Il-każ tar-raġel li offra flus biex jixtri tifla f’Tas-Sliema ixxokja lil bosta. Issa fi tmiem il-ġimgħa ħareġ każ ieħor simili, din id-darba ġrajja li żviluppat f’Manchester fejn raġel prova ibiegħ tarbija ta’ tliet xhur.
Il-Pulizija Ingliża arrestat mal-ewwel lil dan ir-raġel (ritratt) li prova ibiegħ lil din it-tifla għall prezz ta’ elf lira Sterlina. L-akkużat għandu 28 sena, u allegatament għamel din l-offerta ta’ bejgħ lil tliet persuni differenti f’Barton Arcade, fiċ-ċentru ta’ Manchester.
Wara l-arrest, il-Pulizija qalu li t-tarbija tinsab f’kundizzjoni tajba u f’post sigur.
Il-ġimgħa l-oħra f’pajjiżna segwejna r-rakkont ta’ Anya Soldatova, li spjegat kif waqt li kienet miexja tul il-promenade ta’ Tas-Sliema, affaċċjaha raġel li talabha biex jixtri lil bintha ta’ sentejn. L-omm għall-ewwel ma setgħetx temmen, tant li ħasbet li ried jixtri l-ġiżirana li kienet liebsa t-tifla.
Imma r-raġel ipponta lejn it-tifla u beda jagħmel l-offerti tiegħu. Minn naħa tagħha l-omm qaltlu li mhux lesta tbiegħ lil bintha, lanqas għal biljun ewro u mxiet mill-post bir-raġel li baqa’ jsegwiha għal xi ħin.
Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit ilmentaw li ż-żona f’Tas-Sliema fejn seħħ dan il-każ fl-aħħar snin iddeġenerat f’post fejn ħafna jibżgħu jersqu.
//= $special ?>