Ambjent Lokali

Bżonn ta’ konsultazzjoni vera u mhux propoganda dwar il-qasma tal-MEPA – Il-Front Ħarsien ODZ

“Flok jeħli flus il-poplu f’riklami li m’huma xejn ħlief propoganda favur il-qasma tal-MEPA, il-flus għandhom jintefqu f’ informazzjoni, konsultazzjoni u studji dwar l-impatt ta’ din il-bidla.”

Kien b’dan il-mod li l-Front Ħarsien ODZ appella lill-Gvern għall-konsultazzjoni vera dwar il-qasma tal-MEPA fi stqarrija li reġgħu appellaw lill-Gvern biex iwaqqaf id-diskussjoni fil-Parlament dwar it-tlett liġijiet ġodda sabiex il-konsultazzjoni tkun tista’ ssir qabel id-diskussjoni fil-Parlament.

Il-Front saħaq li l-mandat elettorali tal-Gvern li jsaħħaħ il-ħarsien ambjentali, iżda li għandu jkun hemm studji dwar l-impatt li t-tlett liġijiet se jħallu ladarba dawn jinbidlu mal-liġijiet eżistenti.

Il-Front Ħarsien ODZ qal li l-Gvern hu marbut bil-manifest elettorali tiegħu li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent f’Malta u Għawdex u li jifred il-MEPA, iżda l-liġijiet li qed l-Gvern qed jgħaddi ma jidhirx li se jtejbu l-ambjent. Il-Front żied li anzi, f’ħafna każi jidher li b’dawn il-liġijiet se jidgħajjef il-mandat għall-ħarsien tal-ambjent u għaldaqstant jeħtieġ stħarriġ serju li jixtarru kif dawn it-tlett liġijiet se jwettqu dan il-mandat elettorali tal-Partit Laburista.