Il-Gvern qiegħed imexxi l-edukazzjoni bil-politika tal-biċċiet, fid-dlam u ħadd ma jaf fejn sejrin
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jagħti risposti ċari għall-mistoqsijiet li qed jistaqsu l-istudenti, il-ġenituri kif ukoll l-għalliema jekk iċ-ċertifikat tat-tmiem l-edukazzjoni sekondarja, l-ischool leaving certificate, hux se jkun biżżejjed biex l-istudenti jidħlu fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Kelliem dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja, tkellem fil-Parlament dwar in-nuqqas ta’ ppjanar u nuqqas ta’ politika ċara ta’ dan il-Gvern għas-settur importanti tal-edukazzjoni.
Fid-dibattitu dwar l-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar it-twaqqif tal-Istitut għall-Edukazzjoni, George Pullicino rrifera għal mistoqsija parlamentari ċara li għamel lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jgħid jekk fl-intake li jmiss ta’ Settembru 2015 għall-Giovanni Curmi Higher Secondary School, hux se jkunu aċċettati studenti li jkollhom Level 3 School Leaving Certificate mingħajr ma jkollhom l-ebda ċertifikat ieħor tal-MATSEC.
Il-Ministru Bartolo mhux ċar fit-tweġiba li ta fil-Parlament
Ir-risposta tal-Ministru kienet li għaddejjin taħditiet ma’ Giovanni Curmi Higher Secondary School sabiex iċ-ċertifikat tat-tmiem is-sekondarja li jkun ta’ Livell 3, ikun eliġibbli sabiex wieħed jidħol f’din l-iskola post-sekondarja. Dan qiegħed isir, wieġeb il-Ministru Bartolo, sabiex jingħata rikonoxximent tal-livell għoli tal-assessjar li jsir fit-tmiem is-sekondarja mill-iskejjel. Qiegħed jiġi rikonoxxut ukoll il-livell milħuq mill-istudenti, sew f’Livell 3, 2 jew 1.
Il-Ministru kompla jwieġeb li fl-istess waqt, l-istudenti qed ikunu inkoraġġiti bħal snin oħra biex jiksbu l-aħjar riżultati fl-eżamijiet tal-MATSEC ukoll. Dan barra l-fatt li l-istudenti jkomplu jiġu ppreparati biex jagħmlu l-eżamijiiet tal-MATSEC.
George Pullicino qal li l-mistoqsija li għamel kienet ċara – jekk iċ-ċertifikat tat-tmiem l-edukazzjoni sekondarja hux se jkun biżżejjed biex l-istudenti jidħlu fil- Higher Secondary.
Kieku ried jagħti risposta ċara, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Bartolo ken jgħid b’mod ċar le. Iżda minflok, mal-le prova joħloq camouflage – liema risposta qajmet aktar mistoqsijiet kif għamlu media indipendenti, fosthom il-Malta Independent li bagħtet mistoqsijiet u qalet f’artiklu li ppubblikat, kemm damu jistennew għall-mistoqsijiet li għamlu lill-Ministeru u baqgħu bla risposti.
Wara li deher l-artiklu u wara l-kummenti li għadda b’rabta mat-tweġiba li ta l-Ministru dwar dan, ġiet ippubblikata storja oħra fl-istess gazzetta bil-kummenti tal-Ministru, u dan wara tliet ġimgħat li matulhom ma kinux twieġbu l-mistoqsijiet bil-mitkub li bagħtet il-gazzetta.
Fl-artiklu, semma George Pullicino, il-Ministru Bartolo qal li se jkun hemm bżonn l-O Levels u mhux biss l-ischool leaving certificate. Staqsa x’inhi effettivament ir-risposta vera għaliex il-ġenituri u l-istudenti u l-għalliema qegħdin jistaqsu biex is-sitwazzjoni tkun iċċarata.
Fir-rapport ippubblikat fil-Malta Independent, jingħad ukoll li l-O Levels se jkunu kumplimentari għall-ischool leaving mingħajr ma hu definit kif se jkunu kumplimentari.
George Pullicino Semma wkoll il-pożizzjoni li ħadet ix-Shadow Minister dwar l-Edukazzjoni, Therese Comodini Cachia, dwar din il-kwistjoni, u qalet li hemm bżonn ta’ risposti ċari u mhux trid tagħmel analiżi profonda biex issib ir-risposti.
L-edukazzjoni qed titmexxa bil-politika tal-biċċiet
Din hi d-diffikultà, saħaq id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, li llum dan il-Gvern qiegħed imexxi s-settur tal-edukazzjoni bil-politika tal-biċċiet, fid-dlam u ħadd ma jaf fejn sejrin. Staqsa għal darb’oħra jekk l-ischool leaving certificate hux se jissostitwixxi l-O Levels.
George Pullicino saħaq li r-risposta trid tkun ċara – iva jew le – u mhux l-istudenti, ġenituri u għalliema jkollhom jistdujaw bejn il-linji dak li qed jgħid il-Gvern.
Staqsa wkoll li jekk il-Higher Secondary taċċetta studenti biex jagħmlu l-korsijiet tal-Matrikola, u l-istudenti jgħaddu mill-A Levels u Intermediate, jekk eventwalment jiġux aċċettati mill-Università.
L-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema qed jesiġu risposti
Dawn huma mistoqsijiet, qal fil-Parlament George Pullicino, li qed jagħmlu n-nies, l-aktar l-istudenti u l-ġenituri li għandhom dritt li jkollhom risposti.
Jekk min-naħa l-oħra l-Gvern jemmen li l-ischool leaving certificate għandu jissostitwixxi l-O Levels, hemm bżonn li jkun aċċettat u aċċertat li dak iċ-ċertifikat ikollu l-valur li għandu bżonn ikollu, b’bench marking serju u uniformi għal kull skola.
Appella għall-konsistenza u l-uniformità biex ikun hemm ġustizzja wkoll fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan hu meħtieġ għall-kjarezza, it-trasparenza u d-direzzjoni mibnija fuq viżjoni ċara f’dan il-qasam.
Bżonn ta’ diskussjoni serja fuq is-sistema edukattiva post-sekondarju
Appella wkoll għal bżonn ta’ diskussjoni serja u profonda fuq is-sistema edukattiva post-sekondarju, b’riforma bejn is-sekondarja u l-livell post sekondarju.
Saħaq li biex tbiddel il-benchmarks hemm bżonn ta’ diskussjoni wiesgħa u struttura definita u mhux bil-biċċiet waqt li spjega li m’hemm xejn ħażin li jkun hemm tibdil.
//= $special ?>