Internazzjonali

Ftehim storiku mal-Iran dwar l-attività nukleari

Il-potenzi tad-dinja laħqu ftehim storiku mal-Iran biex ġie deċiż li l-pajjiż Iżlamiku jillimita l-attività nukleari tiegħu sabiex jitneħħewlu s-sanzjonijiet internazzjonali li ilhom imposti fuqu għal dawn l-aħħar xhur.

Dan sar possibbli wara l-aħħar fażi ta’ taħditiet intensivi, fi Vjenna (fl-Awstrija), bejn ir-rappreżentanti tal-Iran u l-pajjiżi tal-grupp magħruf bħala P5+1, magħmul mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, ir-Russja, iċ-Ċina, Franza u l-Ġermanja

Il-ftehim jippermetti biex l-ispetturi nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti jkollhom aċċess estensiv iżda mhux awtomatiku għas-siti speċifiċi fit-territorju tal-Iran.

Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, qal li l-ftehim mal-potenzi jiftaħ orizzonti ġodda ladarba huma rnexxielhom isolvu kriżi li, skont hu, ma kinitx neċessarja.

Sadanittant, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, qal li filwaqt li l-ftehim mhux perfett, xorta waħda għandu jitqies bħala l-aħjar wieħed possibbli fiċ-ċirkostanzi. Madankollu, Zarif irrefera wkoll għall-ftehim bħala wieħed storiku u li, skont hu, għandu jiftaħ kapitlu ġdid ta’ tama.

In-negozjati bejn l-Iran u l-P5+1 kienu bdew fl-2006. Tul dan iż-żmien kollu, il-potenzi insistew biex l-Iran inaqqas l-attività nukleari sensittiva biex huma jaċċertaw li l-Gvern ta’ Tehran ma jkunx f’pożizzjoni li jiżviluppa arma atomika.

Min-naħa tiegħu, l-Iran talab biex jitneħħew is-sanzjonijiet imposti fuqu mill-komunità internazzjonali waqt li insista li qed jaħseb biss fi proġetti nukleari bi skop paċifiku.

Federica Mogherini, li tmexxi l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, qalet li l-ftehim fi Vjenna jindika tama għad-dinja u għall-futur tar-relazzjonijiet internazzjonali.

Iżda l-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, ma deherx daqstant konvint u qal li jemmen li l-ftehim mal-Iran jista’ jfisser żball storiku. Netanyahu wissa li l-ftehim jista’ jipprovdi lill-Iran mijiet ta’ biljuni ta’ dollari biex ikun jista’ jixpruna u jespandi magna tat-terrur u l-aggressjoni fil-Lvant Nofsani u madwar id-dinja.