Ambjent Lokali

Ħruġ ta’ diesel fil-baħar f’Birżebbuġa; il-bajja ta’ Marsaxlokk qed tiġi spezzjonata

Aġġornata

Uffiċjali ta’ Transport Malta qed jispezzjonaw il-Bajja ta’ Marsaxlokk minħabba possibilita’ ta’ kontaminazzjoni ta’ diesel. Aktar kmieni, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali qal li t-tul tal-kosta tal-bajja ta’ Birżebbuġa ġiet spezzjonata, iżda ma nstabx li kien hemm kontaminazzjoni.

Dan wara inċident li seħħ it-Tnejn għall-ħabta tas-7.30 ta’ filgħaxija waqt inċident li seħħ waqt operazzjoni ta’ tagħbija fuq il-vapur M/T Santa Maria f’Ħas-Saptan Fuelling Dolphin.

Uffiċjali ta’ Transport Malta u tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali marru fuq il-post sabiex jiżguraw li l-operatur tal-vapur jieħu azzjoni immedjata. Skont l-informazzjoni mgħotija, tpoġġew ukoll ‘booms’ sabiex id-diesel ma kompliex jinfirex filwaqt li t-tindif kompla matul il-lejl.

Transport Malta qalu li l-kundizzjoni tar-riħ għenet biex iż-żejt ma kompliex jinfirex mal-kosta tal-Qajjenza u l-Bajja s-Sabiħa.

Aktar kmieni, d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali qal li malli ħareġ iż-żejt, sar kuntatt immedjat mal-awtoritajiet konċernati fejn wara anke saru investigazzjonijiet kemm minn uffiċjali tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali kif ukoll uffiċjali mill-Protezzjoni Ċivili u Transport Malta.

Dwar il-bajja ta’ Birżebbuġa, id-Direttorat qal li din se tinżamm miftuħa għall-għawm, madankollu se tibqa’ ssir sorveljanza, kemm mid-direttorat tas-Saħħa Ambjentali kif ukoll b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet konċernati.

Intant, Transport Malta qalet li qed tikkowordina l-operazzjoni tat-tindif mad-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. It-tindif għadu għaddej madwar il-vapur u fl-inħawi magħrufa bħala Dolphin.