Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, bħalissa, qed jiġġieled kontra l-ħin biex
jipperswadi lid-deputati parlamentari fil-Gvern tiegħu ħalli jappoġġjaw it-tielet bailout għal pajjiżhom li qed joffrulhom il-mexxejja taz-zona ewro.
Sadanittant, hemm prospetti reali li l-Greċja tispiċċa miz-zona ewro meta għandha żmien sa għada biex tgħaddi erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni importanti li jinkludu riformi għall-pensjonijiet u t-taxxa tal-VAT.
Tsipras, fil-preżent, qed iħabbat wiċċu ma’ reżistenza iebsa għar-riformi, fost id-diżgwid fi ħdan il-koalizzjoni li jmexxi f’Ateni. Madwar 30 deputat tal-Partit Syriza (ta’ Tsipras), immexxija mill-Ministru Grieg għall-Enerġija, Panagiotis Lafazanis, jistgħu jisfidaw sal-aħħar lill-Prim Ministru meta d-destin tal-Greċja qed jidher inċert daqs qatt qabel.
Madankollu, mhux eskluż li, fiċ-ċirkostanzi, ir-riformi urġenti li teħtieġ twettaq il-Greċja jispiċċaw jgħaddu bl-appoġġ tal-entitajiet fl-Oppożizzjoni.
Il-Ministru tad-Difiża Grieg, Panos Kammenos, li hu sieħeb fil-koalizzjoni ta’ Tsipras, diġà sostna li beħsiebu jipprovdi biss appoġġ limitat għall-pjan tal-awsterità li qed jinsistu bih il-kredituri barranin tal-Greċja.
F’każ li n-negozjati ta’ Tsipras ma jwasslu mkien, il-banek tal-Greċja jistgħu jikkrollaw, u l-pajjiż ikun kostrett joħroġ mill-ewro.
Fl-aħħar sigħat kien hemm stennija li l-Prim Ministru Grieg seta’ jwettaq reshuffle fil-Kabinett fejn ir-reżistenza għar-riformi hi l-aktar b’saħħitha. Dan meta l-Greċja għandha tingħata biss il-fondi tal-emerġenza mingħand il-kredituri internazzjonali f’każ li tippersisti bir-riformi speċifiċi.
Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Tsipras kien qed isibha diffiċli ħafna biex jikkonvinċi lill-partitarji tiegħu stess dwar it-termini tal-bailout – b’numru kbir ta’ Griegi jmorru fuq l-internet biex jesprimu r-rabja għall-aħħar żviluppi.
Il-ħaddiema Griegi maċ-ċivil sejħu strajk ta’ 24 siegħa għal għada meta pajjiżhom irid jintroduċi sensiela tar-riformi fejn jispikka qtugħ akbar fil-baġit nazzjonali.
Fi żviluppi oħra, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ħabbar li l-Greċja waqgħet lura aktar fl-impenji fuq id-dejn, meta naqset minn pagament dovut għat-tieni xahar konsekuttiv. Dan meta l-Gvern Grieg kien fid-dmir li jħallas 456 miljun ewro, fi żmien ta’ kriżi kbira fejn jidħlu l-flus kontanti għall-poplu, hekk kif il-banek tal-Greċja ilhom magħluqin mid-29 ta’ Ġunju.
Il-mexxejja taz-zona ewro, nhar it-Tnejn, kienu qablu dwar ftehim, marbut ma’ diversi kundizzjonijiet, biex jipprovdu sa 86 biljun ewro bħala finanzjament lill-Greċja fuq perjodu ta’ tliet snin. Ma kien hemm l-ebda proviżjoni għal tnaqqis fid-dejn tal-Greċja fi proċess magħruf bħala ‘haircut’. Fl-istess ħin, il-Parlamenti tad-diversi stati fiz-zona ewro wkoll iridu japprovaw kwalunkwe bailout ġdid għall-Greċja.
Xi imkejjen infurmati qalu li raw rapport kunfidenzjali tal-IMF li jgħid li l-ekonomija Griega tant għerqet li l-Greċja se teħtieġ għajnuna fiskali ferm akbar mill-ammonti li ssemmew fl-aħħar sigħat.
//= $special ?>