Parlament

Il-Gvern jopponi “capping” fuq in-nefqa tal-partiti f’kampanja elettorali

Filwaqt li l-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti jipproponi limitu fuq in-nefqa ta’ kandidati fl-elezzjonijiet, il-Gvern Laburista qed jopponi li jkun hemm limitu fuq in-nefqa tal-partiti.

L-abbozz ta’ liġi, li kien approvat mill-istadju ta’ kumitat, tistabilixxi limitu fuq in-nefqa tal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali ta’ €20,000 fuq kull distrett iżda ma jpoġġi ebda limitu fuq in-nefqa tal-partiti politiċi.

Fil-fatt il-membri tal-Opposizzjoni Chris Said u Claudio Grech ressqu emenda biex in-nefqa tal-partiti politiċi m’għandhiex taqbeż €2 miljun.

Iżda l-membri tal-Gvern fuq il-Kumitat għall-Abbozzi ta’ Liġijiet oġġezzjonaw, ewlieni fosthom il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Fl-oġġezzjonijiet tiegħu, Owen Bonnici qal li m’għandux ikun hemm sarima fuq partiti politiċi kbar li jattiraw iktar donazzjonijiet għax ikunu iktar popolari. Jekk partit m’għandux riżorsi, għandu jaħdem biex ikollu iktar riżorsi, qal Owen Bonnici.

Chris Said qal li biex ikun hemm liġi tal-finanzjament tal-partiti kompluta, din trid mhux biss tirregola d-dħul iżda wkoll l-infieq tal-partiti waqt kampanja elettorali.

Emenda simili proposta mill-Opposizzjoni biex ikun hemm limitu ta’ nefqa fuq il-partiti ta’ €1.3 miljun fuq elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew, m’għaddietx ukoll.

Argument ieħor li nħoloq waqt is-seduta tal-kumitat kien dwar it-tifsira tal-kelma donazzjoni f’Artiklu 2 tal-abbozz ta’ liġi. Id-Deputat Claudio Grech qal li hemm diskrepanza fil-liġi għaliex donazzjonijiet ta’ propjeta’ privati lill-partiti hi nkluża għall-finijiet ta’ din il-liġi, donazzjonijiet ta’ propjeta’ pubblika m’humiex inklużi.

L-Opposizzjoni pproponiet li fejn hemm propjetajiet pubbliċi li huma b’kera li hi ferm iktar baxxa mill-prezz tas-suq, id-differenza bejn il-kera mħallsa u l-valur tal-kera fis-suq għandha tkun meqjusa bħala donazzjoni. Anki hawnhekk, il-Membri tal-Gvern opponew din l-emenda.

Xi ħaġa, li d-Deputat Chris Said fissirha bħala kutrumbajsi legali biex jinħeba l-vantagg u d-dħul sostanzjali li għandu l-Partit Laburista li għandu diversi propjetajiet tal-Gvern b’kera baxxa ħafna