Futbol Sport

Il-Haiti u l-Istati Uniti fil-kwarti tal-finali

Il-Haiti u l-Istati Uniti kienu ż-żewġ timijiet ta’ Grupp A li għaddew għall-kwarti tal-finali tal-CONCACAF Gold Cup. Dan wara li l-Haiti kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq il-Honduras u l-Istati Uniti ġew draw 1-1 mal-Panama.

Wara l-kritika li irċieva t-tim ta’ Jurgen Klinsmann wara r-rebħa sofferta li kien kiseb kontra l-Haiti ħafna kienu qed jistennew reazzjoni imma għal darba oħra dawn reġgħu iddiżappuntaw u kellu jkun gowl ta’ Bradley li salva punt. L-Amerikani temmew il-grupp b’seba punti filwaqt li l-Haiti spiċċaw b’erbgħa. Mit-tim li għeleb lill-Haiti l-Istati Uniti kellhom disa’ tibdiliet filwaqt li l-Panama għamlu żewġ tibdiliet mit-tim li ġie draw kontra l-Honduras.

Fl-ewwel taqsima l-Panama iddominaw u wara 10 minuti kellhom gowl imħassar ta’ Tejada għal pożizzjoni ta’ offside.

Fl-34 minuta l-Panama meritatament marru fil-vantaġġ. Kien Blas PEREZ li sab ix-xibka wara li rċieva mingħand Luis Tejada. Perez skurja b;tap in mill-viċin u għalih dan kien id-39 gowl mat-tim nazzjonali. L-Amerikani kellhom jistennew sal-55 minuta biex ġabu d-draw meta Bedoya tefa’ cross lejn Michael BRADLEY li ma żbaljax biex għamel l-iskor finali 1-1.
B’dan id-draw l-Panama kellhom isellmu din il-kompetizzjoni minħabba li riedu rebħa biex jgħaddu għall-fażi li jmiss b’mod awtomatiku. Issa huma jittamaw li jkollhom l-aħar rekord mit-timijiet li jispiċċaw it-tielet f’kull grupp biex ikunu huma li jilagħbu fil-kwarti finali.

Fil-logħba l-oħra rebħa ta’ 1-0 kienet biżżejjed għall-Haiti kontra l-Honduras biex ibbukkjaw post fil-fażi li jmiss. Din kienet l-ewwel rebħa li dawn kisbu f’din il-kompetizzjoni.

L-uniku gowl tal-logħba wasal fl-14-il minuta meta Belford sab lil Duckens NAZON li għeleb lil-gowlkiper avversarju Donis Escober għal skor ta’ 1-0. Għal Nazon, li kien qed jilbes il-flokk tat-tim nazzjonali għas-sitt darba fil-karriera tiegħu dan kien it-tieni gowl tiegħu f’din il-kompetizzjoni wara li aktar kmieni kien skurja l-gowl li bih il-Haiti kienu ġabu d-draw kontra l-Panama.