Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jkompli bil-laqgħat fiċ-Ċina

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kompla biz-zjara li qed jaghmel fiċ-Ċina, li qed imexxi delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal laqgħat mal-Gvern Ċiniż.

Fl-ewwel laqgħa tiegħu fiċ-Ċina, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Wang Chao. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif matul l-aħħar 30 sena, filwaqt li f’Malta saru bosta bidliet, fosthom is-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina ssaħħu. Hu sostna li fl-aħħar leġiżlatura, taħt Gvern Nazzjonalista, ġew iffirmati 13-il ftehim bejn Malta u ċ-Ċina, sinjal ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi bir-relazzjonijiet li jeżistu bejn Malta u ċ-Ċina.

Simon Busuttil sostna li biex dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu, iridu jkunu bbażati fuq l-onestà u t-trasparenza.
 Minn naħa tiegħu, l-Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż qal li hu impressjonat bir-relazzjoni ta’ ħbiberija li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li rringrazzja lill-Malta għar-rwol li kellha biex għenet ċittadini Ċiniżi waqt il-kriżi tal-Libja fl-2011.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ wkoll ma’ Guo Jinlong, li kien f’Malta ftit tal-ġimgħat ilu, fejn ukoll iltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Guo Jinlong tkellem dwar iż-żjara li kellu f’Malta u qal li din kienet importanti għaliex seta’ jara b’għajnejh il-frott tal-koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jilgħab rwol importanti fit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ wkoll ma’ Yu Lyping, il-Viċi Ministru tad-Dipartiment Internazzjonali li faħħret l-enerġija u t-tmexxija ta’ Simon Busuttil, u qalet li dan jawgura tajjeb għall-Partit Nazzjonalista.
 
Fil-laqgħat tal-lum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jenfażizza li r-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina għandha tkun ibbażata fuq l-onestà u t-trasparenza. Hu qal li l-politika barranija tal-Partit Nazzjonalista mhix imdawwra mal-Unjoni Ewropea, iżda Malta għandha tuża l-Unjoni Ewropea bħala pjattaforma li minn fuqha tkun tista’ tikkopera ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja, nkluż iċ-Ċina.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsab akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, mill-Kelliem tal-Affarijiet Barranin Tonio Fenech, mis-Segretarju Internazzjonali Trevor Degiorgio kif ukoll minn Matthew Gatt, il-Head of Office tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.