Lokali

Il-MAM twissi dwar involviment privat fl-isptarijiet pubbliċi

Taħlit bejn l-element pubbliku u l-element privat fl-isptarijiet jista’ jwassal għal trattament mhux ugwali għall-pazjenti fl-istess sptar u jista’ jwassal ukoll li jpoġġu lit-tobba f’sitwazzjoni li jmorru kontra l-etika.

Dan it-tħassib tfisser mill-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Gordon Caruana Dingli u s-Segretarju tal-MAM Martin Balzan waqt konferenza tal-aħbarijiet

Gordon Caruana Dingli qal li l-Gvern għandu jżomm mal-prioritajiet li għamel hu stess fl-istrateġija għas-sistema nazzjonali tas-saħħa sal-2020 li tpoġġi emfasi fuq investiment urġenti fil-kura primarja u l-kura tal-anzjani. Dan sabiex inqas pazjenti jidħlu fl-Isptarijiet li jfisser ukoll tnaqqis fl-ispejjeż.

Hu qal li bħalissa hemm 100 persuna f’Mater Dei li qed jistennew biex ikunu trasferiti lejn post ieħor għal kura iktar fit-tul u 30 oħra għar-rijabilitazzjoni.

Iżda l-Gvern għaddej b’negozjati mal-preferred bidder li se jibni struttura f’Għawdex u se jieħu ħsieb l-Isptarijiet Mater Dei, San Luqa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar Karin Grech.

Min-naha tieghu Martin Balzan qal li l-mudell li fih il-privat jibni u jiffinanzja sptar u s-servizz pubbliku jikri l-facilitajiet mhux dejjem ħadem. Fir-Renju Unit, dan qed iwassal biex diversi ċentri tas-saħħa jfallu u 30% tal-baġit nazzjonali tas-saħħa qed jinbela’ f’kirjiet.

Hu qal li filwaqt li hemm aspetti mill-pjani tal-Gvern li jaqblu magħhom u oħrajn li lesti jaċċettawhom, hemm oħrajn li mhux se jkunu aċċettati, ewlenija fosthom li l-management tal-isptarijiet u ħaddiema pubbliċi ikunu f’idejn il-privat.

Aspett ieħor li jqanqal tħassib hu dak dwar il-fatt li l-Gvern intrabat li jieħu l-istudenti kollha li jattendu l-iskola medika Bart’s filwaqt li m’hemm ebda rbit li jieħu studenti li jiggradwaw mill-Universita’ ta’ Malta.