Fl-umiljazzjoni tal-Gvern Grieg hemm vittma li hu l-poplu Grieg
L-Oppożizzjoni u l-Gvern esprimew l-istess ħsibijiet u pożizzjoni komuni dwar id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fl-Unjoni Ewropea fil-kriżi msejħa bħala traġika, tal-Greċja u tal-poplu Grieg.
Wara li saret stqarrija mill-Prim Ministru dwar il-laqgħa straordinarja għall-mexxejja taz-zona ewro li saret il-Ħadd li għadda u li rriżultat fl-itwal waħda fl-istorja tas-summits Ewropej, Mario de Marco, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, fisser li dawn kienu ġranet importanti fl-Ewropa u mhux ta’ ċelebrazzjoni għaliex fisser li fl-umiljazzjoni tal-Greċja, hemm vittma li hu l-poplu Grieg.
Waħda mill-aktar vittmi kienu żewġ elementi ewlenin – il-fattur tal-fiduċja u l-kredibbiltà tal-Gvern Grieg li wera irresponsabbiltà tul dawn l-aħħar ġimgħat.
Ikkonferma l-pożizzjoni li esprima l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem, li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-pożizzjoni li ħadet l-Ewropa fid-dikjarazzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar summit importanti dwar il-Greċja. Enfasizza li m’hemm ebda differenza bejn il-pożizzjoni li ħa l-Gvern u l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni.
Semma li dak li kien deċiż kien pass importanti, għalkemm fadal wisq affarijiet li l-Griegi għad għandhom jikkommettu għalihom, u kif qalet l-IMF, kollox jiddependi jekk il-Greċja timplimentax dak li hu miftiehem dwaru.
Sejjjaħ l-ewro bħala mezz kbir ta’ stabbilità għall-pajjiżi msieħba fiz-zona ewro. L-ewro jfisser ukoll pajjiż effiċjenti, li jirriforma fejn meħtieġ u li jkun għaqli fil-finanzi tal-pajjiż. Irrikonoxxa li fit-taħditiet li saru mal-Greċja, il-maħfra jew t-tnaqqis fis-self ma kinux ikkunsidrati iżda biss flessibbiltà fil-ħlas.
Filwaqt li esprima tħassib dwar jekk il-Greċja hix f’pożizzjoni li tagħmel il-ħlas li ż-żmien tiegħu jiskadi nhar il-Ġimgħa lill-IMF, irrimarka li kollox jiddependi x’se tagħmel il-Greċja, x’se jagħmel il-Parlament, x’se jiġri mill-Gvern Grieg u r-riformi kif se jkunu implimentati, hekk kif tenna li l-istorja tal-Greċja se tibqa’ magħna.
Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni għandha t-tħassib tagħha dar il-futur tal-Greċja iżda tappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern u tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Wara r-rimarki wkoll li saru mid-Deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Robert Arrigo, u tad-Deputat tal-Gvern Charles Mangion, il-Prim Ministru nnota għal darb’oħra li l-Parlament Malti hu uniku fl-Ewropa li dejjem żamm pożizzjoni unanima u din hi xi ħaġa li ssaħħaħ id ta’ kull min ikun fil-Gvern.
It-traġedja tal-Greċja ma spiċċatx hawn
Semma li kif qal il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni, it-traġedja tal-Greċja għadha ma spiċċatx hawn. Ir-riżultat finali tort ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-Gvern Grieg fl-aħħar xahar, wasslu għal pakkett finanzjarju li fissru iebes wisq u iebes ħafna.
Ikkritika d-deċiżjoni tal-Gvern Grieg li ħalla lill-Ewropa jinnegozja, ma qalx jekk hux se jaċċettaha u sejjaħ referendum.
Il-Prim Ministru esprima l-istess pożizzjoni li esprimiet l-Oppożizzjoni – li l-umiljazzjoni sofriha l-poplu Grieg u se jkun qiegħed ibati għaliha l-poplu Grieg.
Il-Gvern Grieg wera nuqqas kbir ta’ fiduċja fin-negozjar
Il-Gvern Grieg wera nuqqas kbir ta’ fiduċja fin-negozjar li wassal ukoll għal pakkett iebes u ambizzjuż ħafna. Bħala eżempju semma l-liġijiet b’miżuri iebsa li jridu jgħaddu sal-lum l-Erbgħa mill-Parlament Grieg.
Il-PM fisser il-pakkett miftiehem bħala iebes wisq għall-Greċja
Il-pakkett tfisser minn Muscat bħala iebes wisq għaliex fil-fehma tiegħu hemm miżuri li m’għandhomx għalfejn jiddaħħlu, bħalma huma pilloli li jridu jibdew jinbiegħu mis-supermarkets. Semma li l-insistenza li saret mill-Ewropa, kienet li jekk ma jiġux imposti d-dettalji, l-affarijiet ma jsirux.
Fisser li ma kienx hemm għalfejn il-poplu Grieg jiġi umiljat ladarba kien hemm il-bidu ta’ ftehim.
Semma li l-assi se jiġu trasferiti f’fond wieħed, u li issa se jkun fil-Greċja stess amministrat mill-awtoritajiet Griegi. Il-ftehim kien li l-assi mill-privatizzazzjoni jgħaddu f’fond biex jinqata’ d-dejn u mhux jngħataw u jintefqu kif irid il-Gvern Grieg.
Dan il-fond se jinkludi assi tal-kumpaniji tal-elettriku, tal-banek, portijiet u assi li għandhom potenzjal li jiġu privatizzati.
Fisser ukoll li l-Ewropa tat sinjal tajjeb ukoll dwar kif se jiġu amministrati l-fondi u kien hemm ftehim li mill-€50 biljun, €25 biljun huma rappreżentati mill-banek li se jkunu privatizzati mill-ġdid u dawn jagħmlu tajjeb għall-European Stability Mechanism (ESM).
Il-25 biljun l-oħrajn hemm qbil li nofshom imorru biex jitħallas il-kumpalment tad-dejn, u n-nofs l-ieħor biex isiru investimenti mill-Gvern Grieg.
Malta mhix se toħroġ aktar flus
Fisser li Malta mhix se toħroġ aktar flus għaliex hemm biżżejjed fondi fl-ESM. Tenna li l-ftehim seta’ ma kienx daqshekk iebes ladarba pajjiżna mhux se jitlef xejn u mhu se joħroġ xejn aktar.
Dwar ir-ristrutturar tad-dejn, il-Prim Ministru qal li diġà tnaqqas l-imgħax tliet darbiet u dan ir-rstrutturar kien approvat ukoll mill-Parlament Malti f’riżoluzzjonijiet li tressqu mill-Gvern. L-IMF issa qed tgħid li hemm bżonn għal darb’oħra dan ir-ristruturar, u l-parir hu li m’hemmx bżonn li dan ir-ristrutturar jerġa’ jersaq quddiem il-Parlament.
Il-punt fundamentali hu li għalkemm mhux jintmiss il-kapital għax il-valur nominali mhux qed jintmiss, qed jintmiss iżda l-valur reali tiegħu. Irrimarka wkoll li fl-20 ta’ Lulju li ġej, se jeskadi self ieħor tal-Greċja u hemm bżonn ta’ self għal żmien qasir sakemm ikun hemm l-aċċess għal self ieħor. Il-Kummissjoni Ewropea qed tara minn fejn jista’ jiġu dan is-self filwaqt li għad m’hemmx qbil bejn il-pajjiżi kollha tal-UE dwar kif isir dan.
Irridu naraw li l-Greċja twettaq u tibda t-triq li tirkupra
Dwar l-exposure ta’ pajjiżna, bejn cash li ta pajjiżna lill-Greċja u garanziji li għandna, it-total jilħaq is-somma ta’ €177 miljun, 3.2% tal-Prodott Gross Domestiku, li llum naqas għal 2.2% minħabba li kibret l-ekonomija tagħna. Irridu naraw li l-Greċja twettaq u tibda t-triq li tirkupra.
Għall-kritika li ssir diversi drabi lill-Ġermanja u lill-Greċja għall-pożizzjoni li jieħdu, il-Prim Ministru sejjaħ dawn il-pajjiżi bħala msieħba importanti għal Malta fl-Ewropa, u r-rwol ta’ Malta mhux li nżommu ma’ wieħed kontra ieħor, iżda li nżommu l-vuċi tagħna b’saħħitha kemm f’dak li hu solidarjetà kif ukoll biex l-Ewropa tkun iebsa mal-Greċja.
//= $special ?>