Internazzjonali

Maqluba d-deċiżjoni biex l-iskejjel jingħalqu fit-Turkija

Il-qorti kostituzzjonali tat-Turkija annullat liġi għall-għeluq ta’ network ta’ skejjel preparatorji li għandhom konnessjoni ma’ eksalleat (li llum hu avversarju politiku) tal-Prim Ministru Tork, Recep Tayyip Erdogan.

Erdogan kien akkuża lil Fethullah Gulen, reliġjuż li llum hu bbażat l-Istati Uniti, talli mexxa kumplott kontra tiegħu. L-iskejjel inkwistjoni huma sors kbir ta’ introjtu għall-Moviment Hizmet (li jfisser ‘Servizz’ ) ta’ Gulen, b’miljuni ta’ studenti li jattendu l-iskejjel biex jippreparaw għall-eżamijiet intiżi biex jidħlu fi skejjel sekondarji jew l-università.

Il-liġi għall-għeluq tal-iskejjel kellha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Settembru.

F’Diċembru li għadda, qorti oħra fit-Turkija ħarġet mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Gulen u akkużatu, fost affarijiet oħrajn, li kien waqqaf u ħarreġ grupp armat magħmul minn terroristi. Iżda Gulen dejjem ċaħad kategorikament li l-akkużi għandhom xi forma ta’ bażi.

Fethullah Bulen darba kien alleat ta’ Erdogan, iżda fl-aħħar snin hu kien akkużat dwar attentati biex jitwaqqa l-Gvern ta’ Ankara.

Il-Prim Ministru Tork kien introduċa l-liġi li kellha tippermetti l-għeluq tal-iskejjel bħala parti mill-hekk imsejħa riforma edukattivi.