Lokali

Minn Surġent tal-Pulizija għal Chief Officer fil-Port Ħieles b’paga ta’ €35,000 fis-sena

Hu wkoll il-kuġin tal-Assistenta Personali tal-Ministru Chris Cardona

Esklussiva: L-eks Surġent tal-Pulizija Clayton Fiteni mill-Isla fi Frar li għadda daħal jaħdem bħala Chief Officer fil-Port Ħieles. Dan minkejja li l-Port Ħieles qiegħed ikompli jiffaċċja problema serja ta’ ħaddiema żejda, b’mod partikulari fejn jidħlu membri tas-sigurtà.

Minn informazzjoni li tista’ tiżvela MaltaRightNow.com jirriżulta li l-eks Surġent Clayton Fiteni ngħata kundizzjonijiet mill-aqwa, fosthom salarju ta’ €35,000 fis-sena. Interessanti l-fatt li l-eks Surġent Clayton Fiteni jiġi wkoll il-kuġin ta’ Dana Farrugia li hi l-Assistenta Personali tal-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona.

Eks kollegi tiegħu fil-Korp tal-Pulizija meta f’dawn il-jiem tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru li l-eks Surġent kollega tagħhom hu magħruf sew għall-kulur politiku tiegħu. Ta’ min jgħid li bħalissa l-Korp tal-Pulizija qiegħed jespejenza eżodu ta’ Fizzjali minnu biex imorru jaħdmu f’postijiet oħra lil hinn mill-Korp. Fost l-oħrajn wieħed jista’ jinnota kif fl-aħħar ġimgħat tnaqqru Fizzjali mill-aktar importanti mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, filwaqt li anki fir-rigward tal-Fizzjali nisa, issa fil-kariga ta’ Supretendent fadal biss waħda.

Imma lil hinn minn dan kollu l-istorja tal-eks Surġent Clayton Fiteni tfakkar fl-istorja friska tal-eks Spettur Daniel Zammit li rnexxielu jgħaddi boarded out mill-Korp tal-Pulizija f’temp rekord ta’ erbat’ijiem biex immedjatament wara ngħata impjieg mill-aqwa mal-Korporazzjoni Enemalta b’salajru ta’ €60,000 fis-sena.

Lil hinn minn dan kollu qiegħed ikompli joħroġ ċar kif għal Ministri bħal Chris Cardona, il-kumpanija tal-Port Ħieles qegħda hemm biss biex jaqdi lil dawk tal-qalb, b’mod partikulari lil persuni li direttament jew indirettament jistgħu jkollhom x’jaqsmu mad-Distrett Elettorali fejn hu jikkontesta – jiġifieri d-Distrett ta’ Birkirkara. Għalkemm l-eks Surġent Clayton Fiteni joqgħod mill-Isla iżda għandu diversi konnessjonijiet mal-lokalità ta’ Birkirkara.

Hu sigriet magħruf sew li s-sitwazzjoni fl-Awtorità tal-Port Ħieles kulma jmur qed issir waħda dejjem imwiegħra b’Aaron Farrugia, Chris Cardona u Josè Herrera jużaw dan il-post tax-xogħol biex jaqdu benjamini mid-Distrett rispettiv tagħhom.

Fost l-oħrajn MaltaRightNow.com diġà żvelat kif fl-aħħar xhur iddaħħlu jaħdmu bħala Uffiċjali tas-Sigurtà xejn inqas minn tnax-il persuna li litteralment ma kienx hemm bżonn. Dan għaliex jekk fil-Port Ħieles hemm erba’ shiftx b’għaxar Uffiċjali tas-Sigurtà, Head u Assistant Head, issa fix-xhur li għaddew ħadd ma ra l-ħtieġa li dan l-għadd ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà jiżdied.

Aaron Farrugia, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità, flimkien mal-Ministru Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari Josè Herrerea jemmnu bis-sħiħ li dan il-post tax-xogħol partikulari jista’ jkun ideali biex fih jiddaħlu jaħdmu persuni kunsidrati ‘ta’ ġewwa’ mid-Disttrett.

Aktar dettalji fil-ġurnal In-Nazzjon.