Lokali

Nuqqas kbir ta’ LSAs waqt Skola Sajf

Waqt Skola Sajf hemm nuqqas kbir ta’ LSAs biex jassistu tfal bi bżonnijiet differenti li jattendu. Filfatt dan is-sit hu nfurmat li LSAs qed jispiċċaw jieħdu ħsieb iktar minn tifel jew tifla waħda, minkejja li wħud minn dawn l-istudenti għandom assistenza speċjali u individwali.

Uħud mill-għalliema, li ħafna minnhom għad għandhom 18-il sena, li ġew aċċettati għal Skola Sajf biex jieħdu ħsieb klassi, spiċċaw jagħmlu wkoll xogħol ta’ LSA għaliex ma kienx hemm min jagħmel dan.

Barra minn hekk LSAs mhux jitħallew jaħdmu waqt extra hours. Jekk it-tfal bi bżonnijiet differenti jitħallew f’dawn iċ-ċentri wara l-ħinijiet regolari, huma qed jispiċċaw taħt it-tmexxija tal-play workers.

Dawn tal-aħħar, li jitħallsu inqas minn LSAs, issa qed jitgħabbew ukoll b’din ir-responsabbilta’ minkejja li mhux kwalifikati u m’għandhomx l-esperjenza neċessarja biex jieħdu ħsieb tfal li l-bżonnijiet tagħhom jirrikjedu attenzjoni speċjali u f’xi każi jistgħu jkunu ta’ sfida minħabba l-bżonnijiet tagħhom.

Intant ġenituri lmentaw li play workers ingħataw klassijiet f’xi ċentri ta’ Klabb 3-16 u Skola Sajf minkejja li għad għandom biss 17-il sena.