F’liġi ta’ 73 paġna li twaqqaf l-Awtorità tal-Ambjent hemm 98 intervent tal-Ministru
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, appellat lill-Gvern għal impenn favur żvilupp sostenibbli u biex nieqfu u nevalwaw qabel ma nkomplu bl-iżvilupp u naraw li ODZ tibqa’ tfisser zona barra mill-iżvilupp għaliex il-messaġġ li qed jibgħat il-Gvern hu li ODZ tfisser Open Development Zone u dan ma jawgurax tajjeb għal dibattitu dwar żvilupp sostenibbli.
F’dibattitu llejla fil-Parlament dwar ir-rapport annwali li ressaq il-Gvern dwar l-iżvilupp sostenibbli, Marthese Portelli appellat ukoll lill-Gvern jibda jħaddem il-politika ta’ żvilupp sostenibbli u jwarrab il-kliem sabiħ ta’ retorika u jara s-sitwazzjoni reali ambjentali f’pajjiżna.
Marthese Portelli staqsiet kif seta’ l-Ministru jgħid quddiem dikajazzjonijiet qawwija li għamlu l-NGOs ambjentali dwar l-iżvilupp u l-ambjent f’pajjiżna, li l-Gvern qed jaħdem biex ikun hawn żvilupp sostenibbli. Staqsiet li jew il-Gvern ma jafx xi jfisser żvilupp sostenibbli jew qed jiġi hawn fil-Parlament u jqarraq bil-poplu.
Gvern li qed jagħmel l-oppost ta’ żvilupp sostenibbli
Semmiet li żvilupp sostenibbli hu tkabbir ekonomiku filwaqt li nħarsu l-ambjent – tkabbir ekonomiku li jikkumplimenta l-ħarsien tal-ambjent. Fissret li l-iżvilupp sostenibbli għandna narawh bħala sistema ħolistika li tgħaqqad l-ispazju u ż-żmien. Hi ironika, saħqet ix-Shadow Minister, li qegħdin fil-Parlament niddiskutu l-iżvilupp sostenibbli meta nafu li l-Gvern qed jagħmel l-oppost ta’ żvilupp sostenibbli, u beħsiebu jkompli jagħmel l-oppost b’deċiżjonijiet u mġiba li wera l-Gvern fl-aħħar xhur u ġimgħat.
Kollox jipponta lejn Gvern b’direzzjoni waħda fil-protezzjoni tal-ambjent, b’attitudni li ma jimpurtahx u bil-kelma sostenibbiltà li waqgħet u baqa’ biss il-kelma żvilupp.
Bit-tliet liġijiet li qed iressaq b’għaġla fil-Parlament dwar l-ambjent, flimkien ma’ dik diġà approvata dwar l-iSPED, dawn il-liġijiet setgħu kienu opportunità tad-deheb għall-Gvern li juri kemm jaħdem għal żvilupp sostenibbli ġust u bilanċjat.
Iżda minflok, fissret Marthese Portelli, il-Gvern qed jagħmel bil-kotnra. Rajna Gvern li ma semax u njora lill-NGOs filwaqt li baqa’ jgħid li l-Gvern li jemmen fl-ambjent, u jgħid li qed jisma’ u jimplimenta l-proposti tal-NGOs u jagħmel ir-reklami biex juri li għandu l-ambjent għall-qalbu u li qed ipoġġi l-ambjent fuq quddiem nett tal-aġenda politika.
Kritika qawwija minn għaqdiet bi kredenzjali ambjentali
Ix-Shadow Minister ikkwotat x’qalu d-diversi entitajiet li għandhom kredenzjali ambjentali fi stqarrijiet li ħarġu f’dan ix-xahar ta’ Lulju biss, fosthom id-dikjarazzjonijiet qawwija bi kritka ħarxa għall-Gvern ta’ Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Front Ħarsien l-ODZ. Fost din il-kritika, kien hemm il-kundanna għall-mod li bih il-Gvern sejjaħ laqgħa ta’ konsultazzjoni f’anqas minn 24 siegħa – imfissra wkoll bħala turija ta’ nuqqas kbir ta’ rispett lejn is-soċjetà ċivili. L-NGOs sostnew li l-Gvern ma tax kashom, filwaqt li l-Gvern jgħid li implimenta 90% ta’ dak li pproponew l-NGOs.
Marthese Portelli saħqet li bejn dak li qed jgħid il-Gvern u dak li qed jiġi attwat mill-Gvern, hemm mhux baħar jikkumbatti iżda oċean, u dan qed jiddikjarawh l-NGOs bid-diversi kundanni li saru bi krititka ħarxa li tikkonferma li dan mhuwiex gvern li jisma’, kif jiftaħar il-Gvern.
Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Iżvilupp bi rwol massiv
Tkellmet ukoll dwar ir-relazzjoni bejn l-ambjent u l-ippjanar fil-liġijiet il-ġodda li qed jipproponi l-Gvern. Irrimarkat li d-Direttur tal-Ambjent m’għandux post permanenti fuq il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Iżvilupp li se jkollu rwol massiv u importanti.
Dan il-Kunsill Eżekuttiv se jkun qed jirċievi u jipproċessa l-applikazzjonijiet tal-iżvilupp; l-ilmenti u rapport li jirċievi nkluż allegat abbużi tal-iżvilupp; jikkordina l-investigazzjonijiet; jifformola l-policies u li dawn jiġu implimentati; u jaġġorna l-pjani u l-policies dwar l-użu tal-art u kif jintuża l-baħar.
Se jara wkoll li l-iżvilupp jitmexxa skont il-policies filwaqt li jkun responsabbli min-national mapping u mill-iskemi ta’ żvilupp flimkien ma’ responsabbiltajiet oħra ta’ riċerka u konsultazzjonijiet u gwidi tekniċi. Sejħet dan bħala rwol massiv u massiċċ tal-Kunsill Eżekuttiv b’poter qawwi u wiesa’.
Kieku l-Gvern ried li jkun hemm bilanċ ġust bejn l-iżvilupp u l-ħarsien ambjentali, kien jara li l-membri fil-Kunsill Eżekuttiv jirrappreżentaw l-iżvilupp u l-ħarsien tal-ambjent b’mod ugwali, b’manjiera ugawali u fuq l-istess livell. Iżda l-Gvern għamel l-oppost meta wieħed jara wkoll il-membri tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Iżvilupp, u kif il-liġi tagħmel distinzjoni kardinali dwar il-kompożizzjon tal-Kunsill Eżekuttiv u dwar il-membri tal-istess Kunsill Eżekuttiv. Semmiet li hemm distinzjoni bejn il-membri permanenti, membri, u membri supplimentari.
Fissret li dan il-Kunsill Eżekuttiv se jkun magħmul minn ħames membri permanenti – iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill, iċ-Chairperson u d-Deputat Chairperson tal-Bord tal-Ippjanar, u żewġ membri oħra li huma familjari ma’ materji fil-qasam tal-kostruzzjoni, fis-sigurtà u fl-aspett tas-saħħa, jew fis-servizzi tal-industrija tal-bini.
L-ambjent mhu mkien rappreżentat fil-Kunsill Eżekuttiv dwar l-Iżvilupp
Marthese Portelli nnotat li l-ambjent mhu mkien rappreżentat f’dan il-Kunsill Eżekuttiv, bil-ħames membri permanenti huma kollha appuntati mill-Ministru jew mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar – li jfisser maħtura jew mill-Prim Ministru jew mis-Segretajru Parlamentari Michael Falzon. Il-membri l-oħrajn jissejħu biss jekk u meta jkun meħtieġ.
Fissret ukoll li l-liġi tispjega li n-nies tal-Awtorità dwar l-Ambjent jistgħu jissejħu f’ħames ċirkustanzi biss li huma ndikati wkoll fil-liġi. Spjegat ukoll li membru supplimentari jista’ jissejjaħ jattendi laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq għażla taċ-Chairman Eżekuttiv.
Sejħet bħala inġustizzja dik li qed joħloq il-Gvern bejn membri permanenti appuntati mill-gvern u li ġejjin mill-industrija tal-bini biss, u dawk li mhumiex permanenti. Semmiet ukoll li l-Awtorità tal-Ambjent hi kollha kemm hi appuntata mill-Ministru, u staqsiet kif din tista’ tkun indipendenti mill-Ministru.
Marthese Portelli kompliet tenfasizza li hu punt kritiku ħafna min jappunta l-membri u fakkret li waqt li l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien qieħed jiddiskuti r-rapport tal-MEPA dwar l-iżvilupp f’Żonqor ħareġ li kien hemm linja diretta bejn Kastilja u s-CEO tal-MEPA.
Il-Gvern mhux se jħalli bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent
Saħqet li hu għalhekk importanti li l-Awtorità tal-Ambjent ma tkunx maħtura kollha mill-Gvern. Ikkritikat lill-Gvern li mhux se jħalli bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, għaliex il-Ministru mhux jagħti l-fakultà li jkunu l-NGOs li jagħżlu r-rappreżentant tagħhom fuq l-Awtorità.
L-NGOs ambjentali m’għandhomx lanqas garanzija li jkollhom rappreżentant wieħed fuq din l-Awtorità għaliex hu l-Ministru li jista’ jappunta r-rappreżentanti jew mill-NGOs ambjentali jew mis-soċjetà ċivili. Il-liġi tgħid ukoll li l-NGOs ambjentali fuq l-Awtorità tal-Ambjent, lanqas għandhom garanzija li ċ-Chairperson tkun persuna li jkollha għall-qalba l-protezzjoni tal-ambjent.
Staqsiet fejn huma l-kredenzjali tal-Gvern fejn jidħol l-ambjent fl-iżvilupp sostenibbli? Appellat lill-Ministru biex iħalli lill-NGOs ambjentali jagħżlu huma r-rappreżentant tagħhom.
Tkellmet ukoll dwar l-involviment tal-Ministru fil-liġi li twaqqaf l-Awtorità tal-Ambjent, u rrimarkat li f’liġi ta’ 73 paġna, hemm 98 intervent tal-Ministru.
Id-dibattitu fil-Parlament dwar il-liġijiet ambjentali għandu jiġi sospiż
Appellat lill-Gvern li jekk irridu żvilupp sostenibbli u li nipproteġu l-ambjent, il-Gvern għandu jissospendi d-dibattitu fil-Parlament dwar il-liġijiet ambjentali biex inħallu l-ewwel id-diskussjoni mal-NGOs issir u d-dibattitu jkompli wara.
Minflok niddibattu dawn il-liġijiet waqt li għaddejja d-diskussjoni, appellat lill-Gvern jibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li ressqet l-Oppożizzjoni dwar il-Public Domain – liema Abbozz il-Gvern baqa’ ma ressaqx għad-dibattitu.
//= $special ?>