Il-grupp terroristiku ISIS qed jippjana biex jibgħat il-pulizija nisa tiegħu biex jattakkaw is-siti reliġjużi fl-Ewropa.
Dik il-fergħa feminili, magħrufa bħala l-Brigata ta’ Al-Khansaa, hi fost l-aktar elementi tal-ISIS li jqanqlu biża’. Sadanittant, Fahad Al-Masri, espert Sirjan u l-President taċ-Ċentru għall-Istudji dwar l-iStrateġiji Militari u s-Sigurtà fis-Sirja, qal li l-ISIS għandu jibgħat talanqas għaxar membri ta’ dawn in-nisa fanatiċi biex jimmiraw għas-‘simboli Kristjani’, u fejn m’humiex esklużi l-attakki bil-bombi suwiċida.
Jaħsbu li sa 60 nisa Britanniċi huma membri tal-Al-Khansaa u li dawn qed jitħallsu l-ekwivalenti ta’ 100 lira Sterlina fix-xahar. Magħruf li l-militanti nisa, li huma armati bl-azzarini ‘AK 47’, iduru kontinwament fiz-zoni okkupati mill-ISIS (fis-Sirja) fejn isawwtu bla ħniena lil nisa oħrajn għall-iċken ħjiel ta’ ‘abbuż’. L-istess militanti feminili anki jisfurzaw numru ta’ nisa f’ħajja bħala skjavi għall-iskopijiet sesswali.
Ir-ritratti u l-filmati rari ta’ dawn il-militanti nisa juruhom mgħottijin minn rashom sa saqajhom bil-burkas suwed. Iżda skont Al-Masri, dawn għandhom jidħlu fl-Ewropa lebsin bħal turisti biex ma jiġbdux l-attenzjoni.
Al-Masri, li rrefera ‘għas-sorsi tiegħu fis-Sirja’ , wissa li din għandha tkun l-ewwel darba li n-nisa se jintużaw għal dawn l-azzjonijiet; ‘bl-istrateġija speċifika se tissorprendi lill-awtoritajiet Ewropej li qed ifittxu l-militanti rġiel’.
Hu kompla li hu aktar diffiċli għall-irġiel biex jidħlu f’xi pajjiż minn taħt milli hu għan-nisa. Dan meta l-Brigata ta’ Al-Khansaa tinkludi ħafna nisa mill-Ewropa, fosthom il-Britanniċi u l-Franċiżi, li jsibu ‘dejjem anqas kumplikazzjonijiet’ biex jidħlu f’pajjiż Ewropew mingħajr ma jqajjmu suspett.
Ingħad li t-theddida mhix indikata biss għall-Ewropa, fost rapporti li l-ISIS qed jaħseb ukoll biex jibgħat lil dawn in-nisa fanatiċi biex jattakkaw pajjiżi Afrikani u Stati Għarab bħall-Ġordan, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab, flimkien mat-Turkija.
Iżda l-analisti tas-sigurtà qalu li diffiċli biex dawn il-possibbiltajiet isiru realtà għaliex l-aġenziji sigrieti qegħdin isegwu bir-reqqa l-movimenti tal-ġiħadisti rġiel u daqstant ieħor feminili. Il-livell tas-sigurtà hu għoli ħafna fil-pajjiżi tal-Ewropa wara l-aħħar attakki terroristiċi, b’mod partikolari l-istraġi fuq il-bajja ta’ Sousse, fit-Tuneżija, fejn ġiħadista tal-ISIS kien qatel qrib l-40 turista, fil-parti kbira nett Britanniċi.
Fl-istess ħin, m’hemm l-ebda provi konkreti li l-ISIS, li hu ddominat mill-irġiel, qatt uża lin-nisa biex iwettqu xi attakki suwiċida.
//= $special ?>