Internazzjonali

Traġedja oħra tal-immigranti barra l-Libja

Għexieren ta’ katavri li jaħsbu li huma ta’ immigranti li kienu qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa nstabu fl-ibħra barra l-Libja u max-xatt ta’ Tajoura; belt tal-kosta Libjana li tinsab 10 kilometri biss lejn il-Lvant ta’ Tripli.

Is-sejba traġika kienet żvelata mill-‘Migrant Report’ ibbażat hawn Malta, fost indikazzjonijiet li l-livell tat-traġedja jista’ jkun akbar minn tas-soltu.

Mifhum li l-mejtin, li jinkludu n-nisa u t-tfal, kienu ġejjin mir-reġjuni ta’ taħt is-Sahara. Waqt li l-ammont speċifiku tal-katavri ma setax ikun ikkonfermat, l-awtoritajiet lanqas ma setgħu jindikaw in-nazzjonalità tal-vittmi.

Madankollu, hemm possibbiltà kbira li l-immigranti mietu meta d-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw biha nqerdet lil hinn minn Tajoura, li hi magħrufa bħala zona minn fejn jitilqu l-vjaġġi bl-immigranti irregolari lejn l-Ewropa.

Jekk dan in-numru ta’ mejtin ikun ikkonfermat, it-traġedja tista’ tkun l-akbar waħda tal-immigranti li tissupera wkoll lil dik tat-18 ta’ April, meta xi 850 immigrant kienu tilfu ħajjithom f’inċident partikulari fuq il-baħar, ftit ’il barra mil-Libja.