Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Parlament jivvota dwar il-bailout

L-Erbgħa hi ġurnata mill-aktar diffiċli f’dawn is-seba’ xhur li ilu Prim Ministru Alexis Tsipras. Dan hekk kif fil-Parlament Grieg se jsir il-vot dwar il-pakkett ta’ riformi li trid twettaq il-Greċja biex tingħata l-għajnuna finanzjarja.
Imma fi ħdan l-istess Syriza, il-partit ta’ Tsipras, hemm ribelljoni kontrih minħabba l-kundizzjonijiet li aċċetta. Dawn il-kundizzjonijiet kienu kkritikati wkoll mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għaliex il-Greċja ma tiflaħx għall-piż tad-dejn li għandha u l-Unjoni Ewropea ma jmisshiex tat dawk il-kundizzjonijiet lil Tsipras.
Dan bi tpattija għas-86 biljun ewro li l-Unjoni Ewropea lesta tagħti lill-Greċja. Flus li biex jingħataw, il-Greċja trid iżżid it-taxxi u l-età tal-pensjoni.
Tsipras stess qal li ma kienx jemmen f’dan il-ftehim li sar fil-bidu tal-ġimgħa wara laqgħat kontinwi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Imma żied li din kienet l-unika għażla u kien lest jimplimentah beix jevita li jikkrollaw il-banek u magħhom il-pajjiż.
Tul il-ġurnata, waqt id-diskussjonijiet dwar xi jrid isir, tħabbret ir-riżenja ta’ Nadia Valavani, id-Deputat Ministru tal-Finanzi, li qalet li hi ma setgħetx tivvota favur dawn ir-riformi.
Il-banek fil-pajjiż ilhom magħluqin mid-29 ta’ Ġunju u Tsipras wissa li dawn se jinżammu magħluqin sakemm ikun ratifikat il-ftehim dwar il-bailout. Dan jista’ jkaxkar għal xahar.
Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea pproponiet self ta’ seba’ biljun ewro permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSM) biex il-Greċja tkampa sakemm jingħata t-tielet bailout.