Lokali

Analiżi tal-ġurnali

In-Nazzjon b’ritratt kbir fil-faċċata tagħti prominenza liż-żjara tal-Kap tal-PN, Dr. Simon Busuttil fiċ-Ċina. Titkellem ukoll dwar it-twissija li l-MAM tat lill-Gvern dwar involviment privat fl-isptarijiet pubbliċi. Il-MAM sostniet li l-Gvern għandu jżomm mal-prioritajiet li għamel hu stess. Fi storja oħra tispikka l-aħbar li fl-aħħar tfaċċat Sai Mizzi.

The Malta Independent b’ritratt kbir ta’ Sai Mizzi u b’titlu kbir “You Finally Found Me”, titkellem dwar kif sa fl-aħħar feġġet il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. The Malta Independent titkellem ukoll kif il-qorti ordnat lill-mara tal-Ministru Manwel Mallia biex tħallas kont pendenti ta’ €2,000 lill-Isptar Mater Dei.

The Times of Malta tgħid li mhux se jkun hemm bankarelli tal-monti qrib il-Parlament u tgħid li l-Ministru Chris Cardona qal li issa dawn kienu modifikati biex joqogħdu fi Triq Ordinanza. Bħall-ġurnali l-oħra tispikka wkoll l-aħbar ta’ Sai Mizzi fejn anke f’dan il-każ insibu ritratt kbir tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.

Malta Today titkellem dwar in-nuqqas l-organizazzjoni ta’ Skola Sajf u tgħid li l-ġenituri huma mħassba minħabba nuqqas ta’ superviżjoni f’uħud miċ-ċentri. Malta Today titkellem ukoll dwar il-ftehim iffirmat ilbieraħ ma’ Huawei.

L-Orizzont tiffoka fuq il-ftehim ma Huawei, li għalih feġġet il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Jispikka wkoll ritratt tal-infiorata li saret fl-Għarb il-Ħadd ġimgħatejn ilu u wkoll fi storja oħra tgħid li jekk ma jkunx hemm ftehim nhar is-Sibt se tkun l-aħħar ġurnata li se jinġabar skart mill-bring-in sites f’Għawdex.