Filwaqt li sostna li ma jaqbilx mal-proposta li jkun hemm limitu ta’ kemm jonfqu flus il-partiti politiċi, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici stqarr li “ma jistax ikollok partit li jkun fil-but tan-negozjanti”.
Il-Ministru Bonnici stqarr dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament – stqarrija li qed tasal fl-istess perijodu li fih bħalissa ghaddejja diskussjoni kbira dwar l-Iskandlu Gaffarena u l-akkużi li għandu quddiemu l-Partit Laburista dwar rabta li hemm bejnu u bejn dan in-negozjant li gawda direttament mill-esprjopjazzjoni tinten tal-bini fi Strada Zekka.
Din hija stqarrija li tpoġġi piż kbir fuq il-partit laburista, meta wieħed irid ifakkar li sa qabel l-elezzjoni kienu qed isiru akkużi serjissimi dwar ir-rabtiet li hemm bejn il-Lejber u numru ta’ negozjanti.
Dan hu dak li kien qal Anglu Farrugia qabel l-elezzjoni ġenerali: “il-Partit Laburista li suppost partit tal-ħaddiema, qed jitlef ruħu, “core values”, u spiċċa wisq viċin nies tal-flus – nies tal-business u nies fin-negozju tal-bini. Dawn il-kuntratturi llum (qabel l-elezzjoni tal-2013) huma viċin ħafna tal-Partit Laburista. Viċin ħafna tal-finanzi tal-Partit Laburista”.
Matul l-aħħar ġranet, l-Oppożizzjoni fil-Parlament sejjaħ lill-eks-Deputat Mexxej tal-PL bħala profetiku u li kellu raġun jinkwieta meta kien lissen dan il-kliem.
//= $special ?>

