Lokali

“Għażiż, xarabank laqtitlek il-karozza… imma baqa’ sejjer”; il-Pulizija tgħid li wettqet dmirha

Aġġornata

Skont persuna li ħalla nota ma’ karozza biex tinforma b’dan, kien hemm ħames Pulizija li raw kollox u m’għamlu xejn; iżda l-Pulizija tgħid li dan mhux minnu

Proxxmu li segwa karozza tal-linja tolqot vettura u tibqa’ sejra, waħħal nota mal-karozza milquta sabiex jinforma lis-sid b’dak li kien seħħ.

F’ritratt li ttella’ f’grupp pubbliku fuq Facebook dwar San Pawl il-Baħar, tidher nota li tħalliet minn proxxmu b’ruħ twajba, li kiteb lil sid il-karozza milquta li karozza tal-linja girfet il-karozza iżda baqgħet sejra.

Aktar minn hekk, min kiteb in-nota qal li kien hemm madwar 5 uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jidderieġu t-traffiku u li raw l-inċident seħħ, madanakollu m’għamlu xejn. Iżda dwar dan, f’kuntatt ma’ MaltaRightNow.com saħqu li dan mhux minnu, peress li l-Pulizija li kienu preżenti ħadu l-passi kollha neċessarji. Kelliema għall-Pulizija qalet li mhux biss ix-xufier twaqqaf u tteħdulu d-dettalji, iżda Transport Malta ġiet infurmata wkoll kif inhi l-prassi meta jseħħ inċident b’karozza tal-linja.

Skont in-nota li tħalliet imwaħħla mal-karozza, l-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħaxija fil-11 ta’ Lulju.