Ammissjoni ċara minn Ministru tal-Gvern li dak li tħabbar minn Muscat u Sai Mizzi m’hu investiment xejn
“Ħadd ma semma investiment.” Kienet din ir-reazzjoni ċara u tonda tal-Ministru tal-Gvern Laburista stess Helena Dalli, li f’kummenti lil MaltaRightNow.com, qalet li dak li tħabbar fi Smart City mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi, m’hu investiment xejn.
Ilbieraħ tħabbar li l-Gvern iffirma memorandum of understanding mal-kumpanija Ċiniża Huawei dwar testijiet li din il-kumpanija se tagħmel f’Malta bit-teknoloġija tal-5G. F’kummenti lil media wara li tħabbar dan, il-Prim Ministru qal li l-uffiċju ta’ Huawei fi Smart City se jkun qed jimpjega 10 persuni biss, mingħajr ma qal jekk hux se jkunu Maltin jew barranin.
Il-ġurnalisti, partikolarment ta’ in-nazzjon, ilhom xhur sħaħ jagħmlu mistoqsijiet dwar il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi – Sai Mizzi, fosthom mistoqsijiet dwar fejn kienet tinsab, peress li din kienet qed titħallas xejn inqas minn €13,000 fix-xahar mit-taxxi tal-poplu.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru Joseph Muscat żamm lil pajjiż fuq ix-xwiek billi kien ġie żvelat li Sai Mizzi kellha tħabbar investiment għal pajjiżna. Dan apparti xhur sħaħ ta’ ġustifikazzjonijiet min-naħa tal-Gvern u l-Prim Ministru Muscat, li Sai Mizzi ntbgħatet iġġib l-investiment lejn pajjiżna.
Wara sentejn titħallas €13,000 fix-xahar, li sal-lum jammontaw għal madwar terz ta’ miljun ewro, it-Tnejn tfaċċat għall-ewwel darba fil-pubbliku l-mara tal-Ministru, li flimkien ma’ Joseph Muscat ħabbret dan l-istudju li se jsir mill-kumpanija Ċiniża f’Malta.
Iżda filwaqt li l-impressjoni li pprova jagħti l-Gvern kienet li dan hu investiment li nġieb lejn pajjiżna bis-saħħa ta’ Sai Mizzi, u allura bħallikieku it-terz ta’ miljun ewro li tħallset issa huma ġustifikati, il-Ministru tal-Gvern Laburista Helena Dalli saħqet li “ħadd ma semma investiment”.
MaltaRightNow.com ħa l-kummenti ta’ Helena Dalli llejla kienet il-Belt Valletta fejn staqsejna ta’ kemm se jkun miljuni l-hekk imsejjaħ investiment li tħabbar it-tnejn. It-tweġiba tal-Ministru tal-Gvern kienet li “ħadd ma semma investiment.”
Intant, ilbieraħ, il-ġurnalisti Maltin għall-ewwel darba kellhom iċ-ċans li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lil Sai Mizzi. Fil-kummenti tagħha lill-media, il-mara tal-Ministru qalet li l-uffiċju f’Shanghai li se jservi bħala konsulat ta’ Malta għad m’hemmx telefon, u allura ma jistax isir kuntatt magħha f’dan is-sens.
Waqt iċ-ċeremonja tal-bieraħ, Sai Mizzi bdiet id-diskors tagħha bil-kliem: “fl-aħħar sibtuni”, filwaqt li fi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti talbet lill-poplu Malti biex jiġġudikaha mhux fuq dak li jintqal fuqha, iżda fuq ir-riżultati li ġġib.
//= $special ?>

