Lokali Parlament

Ħadd mhu jifhem għaliex il-Gvern ma jridx jippubblika l-ftehim dwar it-trasport pubbliku

Il-Ministru Joe Mizzi jibqa’ jitkellem fuq il-passat u mhux dwar il-preżent

Il-Ministru Joe Mizzi baqa’ ma jridx jgħid fil-Parlament meta għandu f’moħħu li jippubblika l-kuntratt iffirmat mill-Gvern mal-kumpanija li qed tħaddem is-servizz tattrasport pubbliku, u baqa’ jirrepeti dak li ilu jagħmel għal dawn l-aħħar tmien xhur – li l-kuntratt jitpoġġa fil-Parlament fil-ħin opportun li jaħseb l-istess Ministru Mizzi.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjon għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco; u x-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli; insistew fis-seduta tal-Parlament li bdiet tiltaqa’ dalgħodu, biex il-Gvern jippubblika l-kuntratt wara kważi tmien xhur milli ffirma l-ftehim mal-kumpanija Spanjola li qed tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku.

Il-poplu għandu dritt li jkun jaf x’fih il-kuntratt wara tmien xhur
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjni nsista li l-poplu għandu dritt li jkun jaf x’fih il-kuntratt li fih hemm ukoll il-livelll ta’ servizz li bih il-Gvern ftiehem li jitħaddem it-trasport f’pajjiżna. Għal dawn il-mistoqsijiet ċari u sempliċi, il-Ministru Mizzi baqa’ jakkuża lill-Oppożizzjoni li qed tagħti l-gambetti u tfixkel fit-tħaddim tas-servizz tat-trasport pubbliku.

Hekk kif il-Ministru baqa’ ma jweġibx u ma jgħidx meta se jippubblika l-kuntratt u jgħid ir-raġuni għaliex qed iżomm milli jippubblika l-ftehim issa li ilu li ffirmat kważi tmien xhur, il-Ministru Mizzi beda jirrepeti l-istorja dwar kif l-Arriva kellhom iħallu l-pajjiż u tieqaf topera minn Malta, u kif il-Gvern ħa f’idejh it-tmexxija tat-trasport pubbliku sakemm instab operatur ieħor.

Mario de Marco rrimarka u talab lid-Deputat Speaker Ċensu Galea li qiegħed jippresiedi s-seduta tal-Parlament minħabba li l-Ispeaker hu msiefer, li l-Ministru Joe Mizzzi għandu jkun konċiż fit-tweġibiet tiegħu.

Talab ukoll lill-Ministru Mizzi jwieġeb għal dak li qed tistaqsi l-Oppożizzjoni u mhux jitkellem biss fuq il-passat. Insista mal-Ministru Mizzi biex jieqaf jitkellem fuq il-passat u miflok jitkellem fuq il-preżent.

Il-Ministru Mizzi f’argument mas-Sedja
F’dan il-mument il-Ministru Mizzi daħal f’argument ukoll mas-Sedja li talbitu biex ikun konċiż fir-risposti, ikun dirett fit-tweġibiet u jirrispondi l-mistoqsijiet li jsirulu, bil-Minsitru Mizzi jwieġeb li l-Oppożizzjoni qed tipprova timmina d-demokrazija.
Ir-reazzjoni tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni kienet immedjata u rrimarka mad-Deputat Speaker li żgur li l-Oppożizzjoni mhux se tieħu tagħlimiet dwar id-demokrazija mill-Ministru Joe Mizzi filwaqt li rrimarka wkoll li d-demokrazija ma tfissirx li tabbuża minnha u jinħela l-ħin tal-Parlament minn Ministru tal-Gvern li jibqa’ ma jweġibix mistoqsija sempliċi li ilu biex iwieġeb ix-xhur.

Wara li d-Deputat Speaker irrimarka li dwar il-mod li għandhom jitwieġbu l-mistoqsijiet parlametari supplimentari hemm rulings li jgħidu ċar li jridu jkunu konċiżi, Mario de Marco qal ukoll li ħadd mhu qed jifhem ir-raġuni għaliex ma jridx jippubblika l-kuntratt. Staqsa lill-Ministru Mizzi wkoll iħossx ir-responsabbiltà li jippubblika dan il-ftehim.

It-tweġibiet tal-Ministru Joe Mizzi komplew ikunu fil-kuntest li mhux se jkun qed jagħti l-opportunità lill-Gvern li tfixkel, u li se jkun hu li jara l-mument li fih jiġi ppubblikat.

Il-Gvern lanqas mhu jagħti informazzjoni dwar it-trasport pubbliku
Il-Ministru Joe Mizzi ħa dan l-atteġġjament, għal darb’oħra, li jirrifjuta li jippubblika l-ftehim dwar it-trasport pubbliku, wara mistoqsijiet li għamlet ix-Shadow Minister MarthesePortelli biex il-Ministru jispjega r-raġuni wkoll għaliex mhux qed jagħti informazzjoni għal mistoqsijiet li qed tressaq fil-Parlament dwar it-tħaddim tas-servizz pubbliku.

Marthese Portelli staqsiet lill-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni mhix qed tingħata fil-Parlament minħabba li l-kumpanija qed tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni lill-Gvern; jekk il-Gvern ingħatax din l-informazzjoni mill-kumpanija u mhux qed jippubblikaha hu, jew jekk ir-raġuni hix għaliex il-Gvern mhux jitlob l-informazzjoni lill-kumpanija privata.

Il-Ministru Joe Mizzi reġa’ rrepeta li llum il-kumpanija li qed tmexxi t-trasport hi privata u ċertu informazzjoni tibqa’ għand il-kumpanija. Qal ukoll li l-Gvern jinteressah li jiġi onorat l-obbligazzjonijiet li hemm fil-ftehim dwar is-servizz tat-trasport pubbliku.