Lokali

Id-diżastru ta’ Skola Sajf jikkonfermawh numru kbir ta’ ġenituri

L-ilmenti ta’ ġenituri li jinsabu diżappuntati u rrabjati dwar it-tmexxija ta’ skolasajf komplew jaslu għand MaltaRightNow.com. Jirrizulta li issa hemm nuqqas kbir ta’ LSAs biex jgħinu tfal bi bżonnijiet speċjali.

Ommijiet qalulna li f’diversi skejjel hemm LSAs li qed ikollhom jieħdu ħsieb aktar minn tifel jew tifla waħda. Dan meta suppost dawn it-tfal qed jingħataw assistenza individwali.

Jirrizulta wkoll li uħud mill-għalliema, li ħafna minnhom għad għandhom 18-il sena, li ġew aċċettati għal Skola Sajf biex jieħdu ħsieb klassi, spiċċaw jagħmlu wkoll xogħol ta’ LSA għaliex ma kienx hemm min jagħmel dan. Barra minn hekk LSAs mhux jitħallew jaħdmu waqt sigħat wara l-ħin.

Jekk it-tfal bi bżonnijiet differenti jitħallew f’dawn iċ-ċentri wara l-ħinijiet regolari, huma qed jispiċċaw taħt it-tmexxija tal-play workers. Dawn tal-aħħar, li jitħallsu inqas minn LSAs, issa qed jitgħabbew ukoll b’din ir-responsabbilta’ minkejja li mhux kwalifikati u m’għandhomx l-esperjenza neċessarja biex jieħdu ħsieb tfal li l-bżonnijiet tagħhom jirrikjedu attenzjoni speċjali u f’xi każi jistgħu jkunu ta’ sfida minħabba l-bżonnijiet tagħhom.

Hemm imbghad ġenituri li lmentaw li play workers ingħataw klassijiet f’xi ċentri ta’ Klabb 3-16 u Skola Sajf minkejja li għad għandom biss 17-il sena.

Persuni oħrajn ma’ MaltaRightNow.com semmew wkoll kif fl-iskola Primarja taż-Żurrieq fejn qed issir skolasajf fil-lokalita’, qed jintużaw mobile toilets kemm mit-tfal kif wkoll mill-edukaturi.

Huma ħafna l-ġenituri inkwetati dwar jekk għandhomx jibatu lil uliedhom skolasajf aktar u aktar meta ħafna mill-ġenituri lanqas programm m’għandhom dwar x’se jsir fi skolasajf. B’kollox din is-sena hemm jattendu skolasajf madwar 13,000 student u studenta.