Kurżitajiet

Il-flus ma jaqgħux mill-ajru, iżda jinżlu mis-siġar….

Ilu jeżisti żmien il-qawl (!?) li l-flus ma jaqgħux mis-sema jew mill-ajru….Iżda grupp ta’ hikers Ġermaniżi żgur li jgħidulek mod ieħor wara li għaddew minn inċident straordinarju u daqstant ieħor ixxurtjat.

Il-hikers kienu għall-mistrieħ ġo kamp fiz-zona ta’ Mirow, qrib ta’ Berlin, meta f’daqqa waħda sabu ruħhom ‘taħt xita ta’ karti tal-50 ewro’ li bdew neżlin minn siġra għolja fil-viċinanzi.

Huma ma setgħux jemmnu għajnejhom u fil-pront bdew jiġbru l-karti ta’ flus sakemm irnexxielhom jakkumulaw madwar 180,000 ewro. Meta għaddielhom ftit l-eċċitament huma skoprew li l-flus kienu tpoġġew ġo borża tal-plastik li xi ħadd kien tella qalb il-friegħi tas-siġra. Jidher li l-borża kienet marbuta b’lastku li dab fis-sħana – bir-riżultat li l-karti tal-50 ewro ‘niżlu bħall-borra’ għal fuq il-campsite.

Ftit wara s-sejba, is-sid taz-zona għall-kampijiet ħareġ jinsisti li l-flus kienu tiegħu, iżda ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni kredibbli ‘dwar il-borża fis-siġra’. L-awtoritajiet għad iridu jserrħu rashom mija-fil-mija dwar ta’ min huma l-flus. Dan fost suspetti li dawk l-eluf tal-ewro jistgħu huma ‘marbuta’ man-nirien li kienu qabdu ftit ilu ġo residenza fl-istess sit tal-kampijiet.

Skont il-liġi tal-Ġermanja, il-hikers huma intitolati għal tlieta fil-mija tas-sejba. Sadanittant, huma kapaċi jżommu l-ammont kollu dment li l-persuna li ġenwinament kienet tilfet dawn l-eluf ma tippreżentax ruħha għall-konferma fi żmien sitt xhur.