Fl-ewwel sentejn tiegħu, l-Gvern Laburista daħħal aktar minn 5,000 persuna jaħdmu maċ-Ċivil, biex b’hekk ġiet ikkonfermata l-mewġa li biddel dan il-Gvern mill-elezzjoni ‘l hawn. Taħt Gvern Nazzjonalista, minkejja li l-impjiegi mal-Gvern kienu naqqsu minkejja dinja f’maltemp kbir, l-impjiegi mal-privat tant żdiedu li Malta gawdiet ekonomija fil-bnazzi u stabbli. Madanakollu, dan il-Gvern biddel kompletament ir-rotta u beda jdaħħal in-nies mal-Gvern bl-addoċċ.
Fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li fil-fatt, skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jirriżulta li ż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema mal-Gvern mill-elezzjoni sa Frar li għadda, hija ta’ 2,400. Ma’ dawn, wieħed irid iżid madwar 1,500 għal kull sena, jiġifieri total ta’ madwar 3,000 ħaddiem, li jkunu jew irtiraw jew telqu minn maċ-Ċivil, u li flokhom il-Gvern daħħal impjegati ġodda. Dan kien ikkonfermat mill-Ministru tal-Finanzi stess li f’rapport lill-Kummissjoni Ewropea qal li kull sena jirtiraw 1,500 minn mal-Gvern. Lill-Unjoni Ewropea, Edward Scicluna mhux talli ma wegħdhomx li se jżid il-ħaddiema mal-Gvern, iżda talli wegħdhom li kien biss se jdaħħal anqas milli jirtiraw biex tkompli x-xejra ta’ tnaqqis ta’ impjegati mal-Gvern..
Minbarra f’dan, il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota wkoll li l-poplu Malti u Għawdxi, mit-taxxi tiegħu, qed iħallas għall-pagi wkoll tal-ħaddiema tat-trasport pubbliku, u dan peress li s-sussidju lill-kumpanija tat-trasport pubbliku, dan il-Gvern, tripplah. Dan ifisser li filwaqt li dawn il-ħaddiema huma fuq il-kotba tal-privat, xorta huwa t-taxpayer Malti li qed jagħmel tajjeb għall-pagi kollha tagħhom, kif ukoll saħansitra, għall-fuel tat-trasport pubbliku.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jinnota li kif sostna l-Ministru tal-Impjiegi Evarist Bartolo, nofs l-impjiegi li nħolqu f’pajjiżna jmorru għand il-barranin.
//= $special ?>
