Lokali

Il-gvern kostrett ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-monti fil-Belt

Il-gvern kien kostrett ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-monti fil-Belt. Wara li kien diġà iddeċieda li l-monti jpoġġieh ħdejn il-Parlament, issa l-gvern iddeċieda li l-monti jsir biss fi Triq l-Ordinanza.

Dan minkejja li fil-parti tan-naħa tal-Parlament, kienu diġà saru l-marki biex fihom jitpoġġew il-bankarelli tal-bejjiegħa.

L-għażla tal-gvern li jpoġġi l-monti ħdejn il-Parlament qanqlet reazzjoni qawwija u kritika estensiva minn diversi setturi, partikolarment dawk kulturali u li huma impenjati li jirriġeneraw il-Belt, aktar u aktar wara li tlesta l-proġett tal-Parlament il-Ġdid li ta dimensjoni ġdida lid-daħla tal-Belt u xejjen il-kritika inizjali li kien hemm għal dan il-proġett.

Il-ġurnal The Times jikkwota lill-Ministru Chris Cardona li qal li biex inaqqas l-ammont ta’ bejjiegħa tal-monti l-gvern ikkonvinċa lil madwar ħdax-il bejjiegħ biex dawn iċedu l-liċenzja. Dan sar biex il-bejjiegħa kollha jkunu akkomodati fil-parti l-oħra ta’ Triq l-Ordinanza. Il-pjani tal-gvern huma li l-monti fi Triq l-Ordinanza jkun rilokat sal-aħħar tas-sena.

Jidher li l-Gvern bidel ukoll il-pożizzjoni tiegħu dwar il-bankarelli li oriġinarjament kienu proposti biex minnhom ibigħu l-bejjiegħa.