Is-servizz ta’ membri fil-korp dixxiplinat ikun jista’ jinġarr meta membru jiċċaqlaq minn korp dixxiplinat għal ieħor
Il-Parlament, kemm Gvern u Oppożizzjoni, qablu fuq riżoluzzjoni li tressqet mill-Gvern u li dwarha kien ippubblikat Avviż Legali mill-Gvern preċedenti, biex is-servizz ta’ membri fil-korp dixxiplinat ikun jista’ jinġarr meta membru jiċċaqlaq minn korp dixxiplinat għal ieħor.
Din ir-riżoluzzjoni sabet l-appoġġ tal-Parlament kollu, bl-Oppożizzjoni ssostni li ma tistax tkun kontra tagħha għaliex meta hi kienet fil-gvern kienet ressqet u fasslet hi l-Avviż Legali.
Il-Gvern tal-lum ukoll ikkonferma li jaqbel ma’ dan il-prinċipju li kien qed iressaq ir-riżoluzzjoni fil-Parlament għaliex l-Avviż Legali kien jeħtieġ riżoluzzjoni u mhux biss Avviż Legali biex dan jidħol fis-seħħ.
Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, ippreżenta din ir-riżoluzzjoni fil-bidu tas-seduta tal-lejla, u qal li din se tidħol b’seħħ mill-5 ta’ Marzu tal-2013 miż-ħmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista.
Għan-nom tax-Shadow Ministern għall-Intern, il-Viċi Kap tal-Oppożizjzoni għall-Ħidma fil-Partit Beppe fenench Adami li jinsab imsiefer, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi rrimarka li l-Gvern ta avviż qasir ħafna dwar din ir-riżoluzzjoni li kien se jressaq filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tkun kontra dan il-prinċipju.
Jason Azzopardi qal li jifforma partit minn partit li dejjem mexa b’rispett lejn il-korpi dixxiplinati b’rispett lejn il-verità mingħajr tidwir mal-lewża.
Fakkar lill-eks President Guido de Marco li kien ħadem ħafna bħala Ministru tal-Intern biex il-korpi dixxiplinati jitnaddfu wara l-esperjenza tal-bidu tat-tmeninijiet, bi Gvern Nazzjonalista jwaqqaf l-ewwel l-Akkademja tal-Pulizija li tat il-frott u awgura li tkompli tissaħħaħ.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi kkundanna bla ebda riservi kull att ta’ vjolenza li jsir fuq membri tal-forzi tal-ordni hekk kif semma li hu disgustanti l-mod kif uħud mill-Korp tal-Pulizija jkunu stmati u trattati minn uħud li jaħsbu li huma ‘l fuq mil-liġi u mill-forzi tal-ordni.
Fakkar kif il-Parlament approva mozjoni li ressaq hu biex ħraxu l-pieni għal min juri li hu ‘l fuq mil-liġi u jwettaq atti ta’ vjolenza kontra uffiċjali tal-korpi ta’ dixxiplina waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Ministru Abela kif ukoll is-Sedjja preseduta mid-Deputat Speaker Ċensu Galea, ingħaqdu mal-messaġġ ta’ kundanna tal-Oppożizjzoni, bil-Ministru Abela jappella lil min għandu widnejn biex jisma’, biex il-Qrati japplikaw u jimplimentaw il-pieni aktar ħorox li approva l-Parlament b’mod unanimu u jekk hemm lok ta’ xi abbużi minn dawn il-pieni, il-Parlament ikompli jissikka l-liġijiet biex il-pieni jkunu mill-aktar effettivi.
//= $special ?>