Lokali

Imniedi ktieb dwar is-saħħa mentali

L-isfidi ta’ saħħa mentali huma l-qofol tal-ktieb ‘Bdoti fil-Maltemp’ li kien imniedi nhar l-Erbgħa filgħodu taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Il-ktieb, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, huwa prodott tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide u l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali.

Waqt it-tnedija tal-ktieb fil-Palazz ta’ San Anton il-President ta’ Malta faħħret din l-inizjattiva u qalet li, skont stħarriġ tal-Eurobarometer tal-2010, f’Malta l-livell ta’ ansjetà, stress u dipressjoni huwa 12% ogħla mill-medja Ewropea. Hija fakkret ukoll li 15% tal-Maltin isofru minn mard mentali f’xi stadju matul ħajjithom u li n-nisa huma iktar suxxettibbli għal problemi ta’ saħħa mentali mill-irġiel. Qalet ukoll li persuni li jaqilgħu dħul baxx isofru minn problemi mentali tliet darbiet iktar minn persuni oħrajn.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Connie Magro li tagħti servizz lil persuni b’mard mentali fi ħdan il-Fondazzjoni St Jeanne Antide.

Il-ktieb sar permezz ta’ fondi mill-Istrina 2013 u jinkludi gwida ta’ kif wieħed jista’ jieħu ħsieb qarib b’mard mentali. Id-daħla tal-ktieb hija miktuba mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.