Ambjent Lokali

Kunsilli Lokali f’Għawdex imħassbin dwar waqfien fis-servizz ta’ ġbir ta’ skart riċiklabbli

Numru ta’ Kunsilli Lokali mill-14 ibbażati f’Għawdex huma mħassbin serjament dwar il-waqfien imminenti fis-servizz ta’ ġbir ta’ skart riċiklabbli provdut minn wieħed mill-operaturi. Ilbieraħ, kuntrattur għal dan l-operatur partikolari informa lil dawn il-Kunsilli Lokali li ser iwaqqaf is-servizzi tiegħu fil-ġranet li ġejjin jekk l-operatur jibqa’ ma jħallasx il-kontijiet pendenti.

L-iskemi ta’ ġbir ta’ skart huma responsabbli biex jiġbru l-materjal għar-riċiklaġġ fuq bażi ta’ kull ġimgħa (il-boroż ħodor jew griżi kull nhar ta’ Tlieta), kif ukoll mill-bring-in sites u l-ġbir ta’ ħġieġ bieb bieb darba kull xahar. F’każ li dan l-iskart jibqa’ ma jinġabarx, dan jiġġenera inkonvenjent għar-residenti u jwassal għal ammont sinifikanti ta’ ħmieġ. Din hi xi ħaġa li żgur mhix pjaċevoli kemm għall-Għawdxin, kif ukoll għall-Maltin u għat-turisti li jżuru Għawdex, speċjalment meta wieħed iqis li bħalissa hu l-qofol tas-sajf.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-erba’ lokalitajiet l-oħra moqdija mill-operatur l-ieħor, jiġifieri minn GreenPak Cooperative Society, jistgħu jserħu rashom li ser ikomplu jgawdu mis-servizz mingħajr l-ebda xkiel.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak l-Inġ Mario Schembri qal li l-lokalitajiet li jingħataw servizz minn GreenPak, jiġifieri Victoria, ix-Xewkija, Ta’ Sannat u x-Xagħra mhux ser ikunu affettwati minn dan kollu. Dan għaliex GreenPak dejjem onorat il-pagamenti fil-ħin. Għalhekk dawn l-erba’ lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom għandhom iserħu rashom li ser ikomplu jgawdu mis-servizz ta’ ġbir ta’ skart riċiklabbli minn GreenPak b’mod regolari.