Ambjent Lokali Parlament

Malta għandha tingħaqad fuq affarijiet bażiċi b’rabta mal-iżvilupp sostenibbli

Għal vot unanimu dwar l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jkollna Gvern li verament jisma’

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus esprima x-xewqa li jara lil Malta tingħaqad fuq affarijiet bażiċi u elementari b’rabta mal-iżvilupp sostenibbli. Iżda minflok ma qed nagħmlu dan, qed nibagħtu messaġġ ħażin li mhux qed naqblu fejn irridu naraw lil pajjiżna fl-20 sena li ġejjin. Appella li nipprattikaw dak li nemmnu fih fl-iżvilupp sostenibbli.

Meta tkellem fid-dibattitu ta’ seduta waħda fil-Parlament dwar ir-rapport annwali dwar l-iżvilupp sostenibbli u li dwaru ma ttiħidx vot, Ryan Callus semma li fl-iżvilupp sostenibbli, m’hemm ħadd li joħroġ rebbieħ jew tellif għax jekk isir żvilupp bil-qies, nieqes mill-egoiżmu u jfittex il-ġid komuni, ikun żvilupp li jwarrab il-gwadann tal-ftit. Żvilupp sostenibbli għandu jkollu l-mira tal-ġid ta’ kulħadd u għalhekk jgħaqqadna għal kunsens.

Stqarrija qarrieqa tal-PM li l-Oppożizzjoni vvutat kontra l-ambjent
Fisser iżda, li hu diżappuntat kif il-gazzetta tal-Partit Laburista irrappurtat li l-PN ivvota kontra l-ambjent, u staqsa jekk il-gazzetta tkellmitx dwar Malta jew dwar xi pajjiż ieħor.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura fakkar li kien ukoll il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u l-Ministru Leo Brincat li wkoll qalu li l-Oppożizzjoni vvutat kontra l-ambjent. Fisser dan bħala stqarrija qarrieqa, inġusta, żleali u li ma tagħmilx ġieħ lil min qalha.

Semma li hemm min tkellem mod ieħor. Filwaqt li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jistgħu jgħidu ħafna, Ryan Callus saħaq li hemm min tkellem barra l-Parlament li ma jżomm ma ebda partit jew Gvern iżda jitkellem bi trasparenza u b’mod imparzjali.

Mhux Gvern kredibbli
Fakkar li Din l-Art Ħelwa qalet li s-sottomissjonijiet tal-pubbliku ġew kollha njorati. Qalet dwar l-iSPED, il-viżjoni dwar kif Malta se tiżviluppa fl-iżvilupp u l-ambjent u li l-Gvern ivvota favur u l-Oppożizzjonii kontra, jeħtieġ li dan il-Pjan Strateġiku jinbidel rasu ‘l isfel.

Irrifera għal dak li qalet l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, li l-iSPED mhix konformi mal-oġġezzjonijiet li ressqu l-l-għaqdiet ambjentali.

Min-naħa l-oħra, il-Front Ħarsien ODZ qal li hu diżappuntat kif il-Gvern mhux jisma’ lis-soċjetà ċivili u neħħa artikli suġġettivi.
Tkellmet ukoll il-Kummssjoni Djoċesana Ambjent, li qalet li l-iSPED lanqas biss jibda mal-viżjoni tal-Pjan ta’ Struttura li kellna fl-aħħar 20 sena, u li dan ifisser li l-viżjoni li approva l-Gvern illum teħodna lura 20 sena.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan iddikjarawh l-għaqdiet indipendenti, filwaqt li l-Gvern jiddikjara li hi l-Oppożizzjoni li vvutat kontra l-ambjent.

Ryan Callus saħaq li dan mhux Gvern kredibbli għax ipinġi bil-kontra tal-verità. Fisser li l-proposti tal-Oppożizzjoni kienu jixbħu ħafna lill-proposti tal-NGOs.

Fakkar li meta l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni vvutat kontra l-ambjent, il-Gvern kien qed jgħid ukoll li l-għaqdiet ambjentali huma wkoll kontra l-ambjent meta l-proposti tal-Oppożizzjoni kienu simili għal dawk li ressqu l-għaqdiet ambjentali.

L-iżvilupp sostenibbli jfittex li ssir ġustizzja
Dwar l-investiment li qed isir fil-pannelli fotovoltajċi, il-kelliem tal-Oppożizzjoni semma każ ta’ persuna li għamlet investiment b’fondi tal-UE meta nstallat sistema ta’ pannelli fuq ir-residenza tagħha, u jmiss mal-istess proprjetà wara tela’ bini li jtellef dan l-investiment li sar fl-enerġija nadifa b’fondi wkoll mit-taxxi tal-popli Ewropej, inkluż ta’ Malta. Staqsa jekk jagħmilx sens li jintefqu flus favur l-enerġija nadifa, u jintlef dan l-investiment bi żvilupp li hu wkoll skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.

Staqsa x’qed jagħmel il-Gvern quddiem sfida bħal din biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn ir-realtajiet. Ryan Callus saħaq li mhix kwistjoni li ngħidu miskin dak u miskin l-ieħor għaliex id-dritt tal-Parlament hu li jieħu azzjoni u jilleġisla.

L-iżvilupp sostenibbli hu żvilupp li jfittex li ssir ġustizzja. Ma jitqisx żvilupp sostenibbli meta jinqerdu 90 tomna art verġni; meta nkomplu niġbdu l-ilma mill-pjan jew nesproprjaw bini jew artijiet; narmu drenaġġ fil-baħar mhux imsaffi, meta noħolqu l-iSPED mimli bi klawsoli miftuħa għall-interpretazzjoni; meta l-MEPA ssir ħaġa waħda mal-Gvern; meta l-Ministru jipproponi liġi li jagħti poter lilu nnifsu biex jiġi sansjonat bini illegali; meta ma nagħtux każ tal-imsieħba fis-settur; meta l-Gvern iġib ruħu li jaf kollox; u meta policies isiru minn membri kollha maħtura mill-Gvern.

F’dibattitu miftuħ dwar żvilupp sostenibbli, kieku kellna nieħdu vot, Ryan Callus qal li jixtieq li jkun vot unanimu u għal dan jeħtieġ li jkollna Gvern li verament jisma’.