Lokali Parlament

Mhix faċli li l-pulizija jieħdu l-arretrati kif wiegħed il-Gvern Laburista qabel l-elezzjoni

Wara li għaddiet kważi nofs leġislatura għad m’hemmx qbil dwar l-ammont dovut

Wara li għaddiet diġà nofs il-leġislatura ta’ dan il-Gevrn li wiegħed li kien se jħallas l-arretrati dovuti lill-Pulizija għal xogħol ta’ sahra li jonqos jitħallsu, għad m’hemmx qbil dwar kemm hu l-ammont dovut u jirriżulta wkoll li hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-istess Pulizija dwar kemm hu l-ammont.

Għal mistoqsijiet li għamel ix-Shadow Minister Jason Azzopardi li staqsa fiex wasal il-Gvern fil-wiegħda li kien għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2013, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonalista, Carmelo Abela, qal li f’laqgħat li saru dwar il-flus dovuti lill-membri tal-Pulizija, issemmew ċifri astronomiċi.

F’każ li ċ-ċifri huma kbar, il-Ministru Abela qal hu l-impenn tal-Gvern li jara li l-ammonti dovuti jitħallsu, u jkun hemm qbil dwar dan. Spjega li l-qbil bejn ir-rappreżentanti tal-Pulizija u l-Gvern dwar iċ-ċifra dovuta jrid ikun l-ewwel pass. Jekk l-ammonti jkunu astronomiċi jkun hemm diffikultà akbar. Irrimarka għal darb’oħra li hemm ukoll nuqqas ta’ qbil bejn il-Pulizija stess dwar iċ-ċifra dovuta.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa wkoll dwar fiex waslu t-taħditiet dwar l-addendum li jbiddel il-kundizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-awtonomija tal-uffiċjali għolja tal-Korp fid-dawl ta’ dak li kien qal il-Ministru Abela fil-bidu tas-sena, li fi żmien ħmistax u fil-ġimgħat ta’ wara kellha tinqata’ ras din il-kwisjoni

Il-Ministru Abela qal li l-kwistjoni hi li kien qal li ried jisma’ ż-żewġ naħat – kemm dawk li pproponew addendum fil-Pulizija, u lil dawk li qed imexxu l-Korp. Saħaq li l-iskop kien li dak li japplika għall-membri taċ-ċivil f’ċertu gradi bħalma huma direttur u Segretarju Permanenti, japplika wkoll għall-Korp tal-Pulizija fil-grad ta’ Assistenti Kummissarji ‘l fuq. L-intenzjoni qatt ma kienet biex ikun hemm indħil imma li jkun hemm akkontabbiltà.

L-issue tibqa’, qal il-Ministru Abela, kif dan se jibda jitwettaq u qal li talab għal proposti kif dan l-addendum għandu jaħdem.