Ambjent Lokali Parlament

Nassiguraw l-aħjar liġi għal Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma imparzjali u indipendenti

Il-ħidma ta’ dan ir-Regolatur għandha tkun suġġetta għall-iskrutinju tal-Parlament

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, ressqet diversi proposti biex jiġi assigurat l-aħjar liġi li tirregola t-twaqqif ta’ Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u li tagħti lir-Regolatur il-qafas meħtieġ biex ir-Regolatur ikun jista’ jaħdem b’mod imparzjali u b’mod indipendenti.

Meta tkellmet illejla fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Marthese Portelli fissret li hu tajjeb li qed niddiskutu liġi li tistabbilixxi Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma fid-dawl ukoll ta’ diversi direttivi Ewropej bħalma huma d-direttivi dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u tal-gas naturali; kif ukoll it-Trattat dwar l-Enerġija.

L-MRA se tkun qiegħda tinqasam fi tnejn
Tkellmet dwar kif il-liġi tistabbilixxi li se jkollna żmien fejn se jkollna r-Regolatur u l-Awtorità. Il-liġi tispjega kif l-MRA se tkun qiegħda tinqasam fi tnejn – parti mill-funzjonijiet li se jibqgħu għand l-MRA u l-bqija għand ir-regolatur, inkluż il-protezzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur.

Staqsiet jekk l-MRA hix se tibqa’ l-awtorità responsabbli mir-riżorsi minerali u tal-ilma taħt l-art l-aktar fit-tħaffir tal-boreholers, mill-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta’ riskji tal-għargħar u minn skemi kummerċjali. Staqsiet għaliex hemm il-bżonn ta’ żewġ entitajiet – l-MRA u r-Regolatur u x’inhu l-iskop u l-loġika ta’ żewġ entitajiet – awtorità u regolatur.

Staqset x’benefiċċji se jkun hemm għal pajjiżna għal dawn iż-żewġ entitajiet meta llum hu assorbit kollox fl-MRA. Mil-lat tekniku, Marthese Portelli semmiet li b’entità waħda r-riżultat aħħari jkun aħjar għaliex ikun hemm sinerġija aħjar u użu aħjar tal-esperti. B’żewġ entitajiet ir-riżorsi se jinfirxu u qalet li biex ir-regolatur ikun b’saħħtu hu importanti li l-esperti ngħaqqduhom u mhux nifirduhom.

Jekk m’hemmx dan il-ħsieb li jibqgħu żewġ entitajiet, ix-Shadow Minister saħqet li hu importanti li l-Gvern jispjega meta se ssir entità waħda, u jekk le, x’se tkun id-differenza primarja ta’ bejniethom.

Awgurat li din id-deċiżjoni li jinżammu żewġ entitajiet, mhix deċiżjoni li ttieħdet biex jinħolqu aktar impjiegi magħżula mal-Gvern.
Staqsiet ukoll x’se jiġri mill-ħaddiema li llum huma impjegati mal-MRA u kemm minnhom, u liema huma l-karigi jew il-livelli li se jittieħdu mir-regolatur.

Il-konsultazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-liġi b’mod immedjat
Ikkummentat ukoll dwar il-funzjonijiet tar-regolatur u semmiet li r-regolatur għandu jsejjaħ konsultazzjoni effettiva li tinvolvi entitajiet uffiċjali waqt it-tħejjija ta’ dikjarazzjonijiet jew proposti. Staqsiet għaliex l-artiklu dwar il-konsultazzjoni mhux se jidħol mill-ewwel fil-liġi, u staqsiet dwar il-ħsieb wara din id-deċiżjoni. Appellat li l-konsultazzjoni għandha tidħol fis-seħħ b’mod immedjat u mhux li tidħol f’xi stadju aktar tard.

Ikkummentat ukoll dwar il-membri tal-bord tar-regolatur li se jinħatru għal bejn ħames snin u seba’ snin, bil-possibbiltà li jiġu appuntati mill-ġdid. Illum, il-membri tal-bord tal-MRA jinħatru għal bejn sena u tliet snin. Staqsiet lill-Ministru jispjega għaliex il-massimu ta’ tliet snin se jitla’ sa seba’ snin, waqt li rrimarkat ukoll li l-liġi ma tispeċifikax il-kwalifiki tal-membri li jinħatru. Staqsiet ukoll x’riperkussjonijiet jista’ jkun hemm li l-membri tal-bord jistgħu jibqgħu jiġu apppuntati mill-ġdid.

Tkellemt ukoll dwar ir-rapport annwali tar-regolatur u ssuġġeriet li għandu wkoll jingħata kopja l-Parlament biex l-iskrutinju tal-Parlament ma jitwarrabx.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal meta għalaq id-dibattitu dwar it-twaqqif ta’ dan ir-regolatur, li l-prinċipju tar-regolatur hu li l-konsumatur ikollu ħarsien u protezzjoni, servizzi tajbin u bi prezzijiet tajbin.

Il-funzjonijiet tal-MRA se jmorru għand l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi
Il-Ministru fisser li l-funzjonijiet fl-MRA bħall-barrieri u testijiet fuq boreholes, se jiċċaqilqu u se jmorru għand l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi li se titwaqqaf wara li tiġi żarmata l-MEPA. L-MRA se tibqa’ hemm għal żmien qasir.

Dwar il-perjodu itwal ta’ żmien għall-membri tal-Bord tar-Regolatur, il-Ministru Mizzi qal li dan qed isir skont direttivi tal-Kummissjoni Ewropea.