Lokali Parlament Saħħa

Persuni b’ħatriet politiċi jagħmluha ta’ pulizija fuq l-infermiera għax jaħsbu li laħqu s-sema

Direttivi mill-MUMN f’San Vincenz de Paul u li l-Gvern żamm mistur

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ordnat direttivi fir-Residenza SanVincenz de Paul u sostniet li l-professjoni tal-infermiera mhix qiegħda għaż-żuffjett ta’ xi erba’ persuni li għaliex issa ħadu ħatra politika, qed jaħsbu li laħqu s-sema b’idejhom u qed jagħmluha ta’ pulizija fuq l-infermiera.

Dawn id-direttivi ordnati mill-MUMN, kienu żvelati fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, meta tkellem fil-ħin tal-aġġornament fit-tmiem tas-seduta ta’ dalgħodu.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, appella lill-Gvern u lill-Ministru responsabbli jagħti spjegazzjoni ta’ dak li qiegħed iseħħ u mhux iżomm mistur dan id-diżgwid li għaddej bħalissa bejn l-MUMN u t-tmexxija tar-residenza.

Robert Cutajar qara fil-Parlament l-ittra li bagħat is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea; lil Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv tar-residenza, u li fiha akkużi serji u hu għalhekk li l-Gvern għandu jwieġeb u ma jħallihiex mistura.

Mhux iħossuhom fdati mill-management
L-MUMN ilmentat mal-Kap Eżekuttiv tar-residenza, li l-maġġoranza assoluta tal-infermiera li jaħdmu fir-Residenza ta’ San Vincenz de Paul qed iħossuhom mhux fdati aktar mill-management. F’dawn l-aħħar xhur l-MUMN irċeviet rapporti ta’ persuni li jistaħbew taħt kappa jew oħra biex jagħmluha ta’ pulizija fuq l-infermiera.

L-MUMN fissret li dawn huma nursing aids li jidħlu taħt l-umbrella tal-customer care jew inkella tal-quality assurance u fil-jiem li għaddew intlaħqet il-quċċata ta’ dawn l-episodji meta nursing aid minnhom mar f’sala partikolari fis-07.15am u dam hemm jieħu n-noti sad-9am.

Nursing aid li mingħalih li laħaq xi ħaga, jagħmilha ta’ pulizija
L-MUMN staqsiet fejn hu d-dekor tan-nurses? Kif jiġi dan in-nursing aid li mingħalih li laħaq xi ħaga u jagħmilha ta’ pulizija fuq in-nurses?

L-MUMN saħqet li minkejja li dan in-nursing aid issa qiegħed idur taħt il-kappa ta’ quality assurance, dan ma laħaq xejn ġdid għaliex quddiem il-Public Service Commission, dan għadu xorta fil-grad ta’ nursing aid u xejn aktar.

L-MUMN mhix se taċċetta aktar minn dawn il-ħmerijiet
L-MUMN iddikjarat ukoll li ma tistax taċċetta aktar minn dawn il-ħmerijiet. L-infermiera huma professjonisti u l-accountability tagħhom hija ċara għax hi miktuba bl-iswed fuq l-abjad. L-unika superviżjoni li tista’ ssir hi minn persuni li ġejjien mill-istess professjoni, iġifieri d-Deputy Charge Nurses, Charge Nurses, Senior Nursing Managers u Chief Nursing Managers.

B’effett immedjat, l-MUMN ordnat struzzjoni ċara lill-infermiera kollha f’kull grad biex ma jkellmux u ma jikkollaborawx mal-persuni li qed jużaw il-kappa tal-quality assurance ħlief meta jattendu fis-swali jistaqsu fuq l-ikel li jingħata lir-residenti.

Ordnat ukoll li jekk xi wieħed minn dawn il-persuni tal-quality assurance idum aktar minn kwarta fis-sala, tkun liema tkun, in-nurses kollha li jkunu xogħol f’dik is-sala partikolari għandhom jinfurmaw lis-Senior Nursing Manager li ser joħorgu mis-sala u jmorru dritt fl-uffiċċju taċ-Chief Nursing Manager sakemm din il-persuna toħroġ mis-sala.

Il-professjoni tan-nurses mhix qiegħda għaż-żuffjett ta’ xi erba’ persuni
L-MUMN tenniet li l-professjoni tan-nurses mhix qiegħda għaż-żuffjett ta’ xi erba’ persuni li għaliex issa ħadu appuntament politiku, qed jaħsbu li laħqu s-sema b’idejhom.

L-MUMN iddikjarat ukoll li temmen li l-eżerċizzju temporanju li kien qed jitwettaq miċ-Charge Nurses li jaħdmu night duty, dwar jekk ir-residenti inbiddlitilhomx in-nappy jew le, jista’ issa jigi fit-tmiemu, bl-MUMN tagħti struzzjoni oħra liż-żewġ Charge Nurses li jkunu nkarigati mill-SVPR matul il-lejl, sabiex dan l-eżerċizzju ma jkompluhx aktar u jibdew jaqdu d-doveri tagħhom bl-istess mod kif kienu qed jagħmlu qabel beda dan l-eżerċizzju madwar ħmistax ilu.

Atteġġjament li mhux uman
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sejjaħ dan il-każ partikolari bħala serju ħafna u li juri li s-swali ta’ din ir-residenza nġiebu fi stat ta’ polizjesk u li qatt m’għandhom ikunu aċċettati. Dak li seħħ hu ħafna bogħod mill-impressjoni li qed jipprova jagħti l-Gvern f’San Vincenz de Paul.

Appella lill-Gvern biex ma jibqax sieket u jagħti sodisfazzjon lill-infermiera dwar min se jkun responsabbli għal dan l-atteġġjament xejn uman lejn l-infermiera.