Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’; mhux magħrufa l-kundizzjoni

Għad mhux magħrufa l-kundizzjoni ta’ sewwieq ta’ mutur li bħalissa jinsab rikoverat l-isptar wara inċident li seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart fi Triq Tal-Balal f’San Ġwann.

Il-Pulizija qalu li minn stħarriġ preliminari jirriżulta li r-raġel, li għandu 26 sena u hu ta’ nazzjonalità Taljana għalkemm jgħix f’San Ġwann, kien qiegħed isuq Daelim Cityace lejn iċ-ċentru tar-raħal meta ħabat ma’ ċint u tabella baxxa.

Madankollu, s’issa mhux eskluż li dan seta’ seħħ minħabba xi vettura oħra u l-Pulizija qalu li għaldaqstant qed jappellaw lil min ra’ l-inċident biex jikkuntattjahom fuq in-numru 21224001.

Sadattant, l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġwann, li kienu assistiti fuq il-post mit-Taqsima tat-Traffiku u r-Rapid Intervention Unit.