Internazzjonali

Vjaġġ storiku lejn Pluto

Hemm sodisfazzjon kbir għall-vjaġġ storiku tal-vettura spazjali tan-NASA ‘New Horizons’, li għaddiet minn ħdejn Pluto.
Dan il-vjaġġ beda għaxar snin ilu tul distanza ta’ 4.7 biljun kilometru u li matulhom, Pluto ma komplietx titqies bħala pjaneta. Diversi esperti qalu li l-vjaġġ kien fetaħ kapitlu ġdid fl-esplorazzjoni tal-ispazju.
Charles Bolden, l-amministratur tan-NASA, qal li b’din il-missjoni, il-bniedem kien żar kull pjaneta li hemm fis-sistema solari.
‘New Horizons’, hekk kif għaddiet minn maġenb Pluto, b’veloċità ta’ 14-il kilometru fis-sekonda, bagħtet messaġġ lura lejn id-dinja li dam ftit aktar minn erba’ sigħat biex jasal.
‘New Horizons’ issa se tkun qed tibgħat informazzjoni varja dwar Pluto.
Il-vettura spazjali għaddiet minn distanza ta’ 14.500 kilometru minn ma’ Pluto u se tkompli tibgħat l-informazzjoni għas-16-il xahar li ġejjin.