Lokali

Żagħżugħ jaqa’ sular; jinsab f’qagħda kritika

Żagħżugħ ta’ 16-il sena, residenti Tas-Sliema, jinsab f’qagħda kritika wara li waqa’ minn fuq raff minn għoli ta’ madwar sular. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa u għaxra ta’ wara nofsinhar waqt li kien qiegħed ġo maħżen fi Triq l-Aħwa Żammit, Ħal Qormi.

Il-Pulizija qalu li minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li l-ħaddiem kien qiegħed jistiva xi kaxxi meta waqa’. Fuq il-post issejħet ambulanza b’team mediku li ħadet lill-vittma immedjatament l-Isptar Mater Dei, fejn tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. Intant, il-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi.