In-nuqqas ta’ aċċessibiltà fil-housing soċjali qed iwassal għal tbatija kbira fost persuni bi tbatijiet fiżiċi. Fosthom għall-mara li tidher fil-filmat u fir-ritratt (hawn taħt) li wara operazzjoni f’saqajha, kellha titla’ erba’ sulari taraġ minħabba nuqqas ta’ lift.
Din il-mara, li MaltaRightNow.com anke ħa l-kummenti tagħha, qalet li għalkemm ma tgħixx f’din l-akkomodazzjoni soċjali partikolari, hi ddeċidiet li tiġbed filmat tagħha tiela’ t-taraġ bi tbatija sabiex tqajjem kuxjenza dwar mijiet ta’ anzjani jew persuni b’mard kroniku li qed jispiċċaw maqfulin f’darhom minħabba nuqqas ta’ lifts fis-social housing, u allura, nuqqas t’aċċessibiltà.
Clair Meli, li tkellmet ma’ dan is-sit qalet li l-proċeduri twal u l-ġiri marbutin mal-applikazzjoni għal-lifts f’akkomodazzjonijiet soċjali qed iwasslu biex anzjani u persuni vulnerabbli b’mard kroniku ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jibqgħu lura milli japplikaw.
Clair tappella għal iktar kuxjenza dwar dan u għal proċeduri anqas burokratiċi biex il-ħajja tal-anzjani jew dawk morda b’mard kroniku tkun aktar faċli.
//= $special ?>

