Ambjent Lokali

Iktar tħassib dwar Fomm ir-Riħ

L-Għaqda ambjentali Nature Trust esprimiet it-tħassib tagħha għal theddida oħra għax-xtajta ta’ Fomm ir-Riħ. Nature Trust qalet dan fi stqarrija b’reazzjoni għall-kummenti li għamel id-Deputat Laburista Etienne Grech li fihom sejjaħ biex Fomm ir-Riħ tkun iktar aċċessibbli.

Nature Trust fakkret li din iż-żona taqa taħt is-sit Natura 2000 u li din tinkludi wkoll l-irdumijiet minn Ras il-Pellegrin sa ix-Xaqqa. Barra minn hekk din iż-żona kienet l-ewwel waħda li ngħatat protezzjoni marittima lura fl-2005.

Nature Trust qalet li hi favur li jkun hemm aċċess pubbliku biex in-nies jammiraw dawn l-inħawi iżda li żżid l-aċċess mill-art jista’ jwassal biex nies bla skrupli jagħmlu ħerba minn dan il-post permezz ta’ rimi ta’ skart u saħansitra jinfetħu xi negozji bħal gabbani tal-ikel u deckchairs.