Il-lukanda f’San Ġiljan li tant tinsab fi stat ħażin li wasslet biex żewġ turisti temmew ħesrem vaganza f’Malta u rritornaw lura lejn pajjiżhom għandha Enforcement Notice minħabba l-istat ħażin li tinsab fih.
Dan joħroġ minn risposta li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, jew kif inhi magħrufa llum bħala Visit Malta, tat lil dan l-istazzjon ftit jiem wara li ġiet ippublikata l-istorja dwar in-nuqqasijiet li għandha din il-lukanda.
Fost l-oħrajn fuq TripAdvisor wieħed isib ilmenti minn turisti li sfaw msiruqa, sabu kollox imkisser fil-kmamar tagħhom, bibien ma jissakkrux, ħmieġ u wirdien, tbajja’ fuq il-lożor u soqfa li ċedew fost ħafna nuqqasijiet oħra.
Mir-risposta tal-MTA joħroġ ukoll li wara numru ta’ spezzjonijiet mid-Direttorat tal-Infurzar, ittieħdu numru ta’ azzjonijiet legali li jinkludu wkoll multi għaliex il-lukanda tikser l-istandards, kif ukoll azzjoni fil-Qorti.
Minkejja l-Enforcement Notice, il-lukanda għadha topera għaliex għaddej appell li qed jiġi investigat mill-Bord tal-Appelli tat-Turiżmu.
Madankollu dan l-istazzjon hu nfurmat li l-lukanda se tagħlaq għal refurbishment wara s-Sajf, bejn Ottubru li ġej u Mejju 2016.
Iktar kmieni: Koppja li kienu f’Malta għal vaganza ta’ ġimgħatejn ħallew pajjiżna qabel ippjanat wara li kellhom ibiddlu l-kamra fejn kienu qed joqgħodu, f’lukanda f’San Ġiljan, għal tliet darbiet. Spjegaw li l-air condition fil-kmamar ma jaħdimx, id-dwal jaqtgħu kull ftit ħin u kien hemm ħafna ħmieġ.
Dawn it-turisti ma felħux iżjed meta l-Ħadd wara nofsinhar irritornaw lura lejn il-lukanda tagħhom u sabu żewġ żgħażagħ jisirqu mill-kamra tagħhom. Sfortunatament dawn laħqu ħarbu u allegatament il-ħaddiema tal-lukanda saħansitra rrfjutaw li jagħmlu rapport lill-Pulizija, tant li kellhom imorru l-għassa huma personalment.
Biex tkompli tgħaxxaqha, dawn it-turisti qattgħu l-aħħar lejl fil-lukanda bil-bieb miftuh, għaliex kien ġie żgassat mill-ħallelin u baqa’ ma ssewwiex.
Malli daħal dan ir-rapport għand MaltaRightNow, għamilna riċerka dwar din il-lukanda u tajna ħarsa lejn TripAdvisor; sit fejn dawk li jkunu żaru xi post jistgħu jħallu l-kummenti tagħhom. Fis-sit, wieħed isib li minn iktar minn 2,257 review, 1,177 huma ‘terribbli’ u kienu biss 56 li ħallew kummenti ‘eċċellenti.
Meta wieħed iħares lejn il-kummenti, dawn huma sorprendenti u wieħed jistaqsi kif l-awtoritajiet Maltin baqgħu ma ħadu l-ebda azzjoni fuq lukanda li fost l-agħar kummenti tagħha jibdew sa mill-2012 imma li komplew iżidu u jsiru dejjem agħar riċentament.
Nies fis-sakra, jaqdu l-bżonnijiet tagħhom fil-kuritur
Turist mill-Ingilterra kiteb li lejl minnhom kien dieħel lura fil-lukanda u sab persuni fis-sakra jaqdu l-bżonnijiet tagħhom fil-kuritur. Spjega li mar jirraporta lill-management tal-lukanda “imma ma ridux jafu.”
Filwaqt li dan it-turist wissa’ biex ħadd ma jersaq lejn din il-lukanda taħt l-ebda ċirkostanza, kompla li fil-kamra kellu l-wires tad-dawl imdendla mal-ħajt, u kif ipprova jixgħel il-kamra tar il-fuse tal-elettriku.
Kompla li “l-bibien tal-cupboards kienu maqlugħa, il-lifts ma jaħdmux u s-swimming pool kien qisu toilet.” Filfatt ħaddieħor spjega li l-ilma fil-pool tant kien maħmuġ li lanqas kien possibbli tara l-qiegħ tiegħu.
Il-problema tad-dawl jidher li hi mifruxa fil-kmamar kollha, hekk kif numru ta’ turisti kitbu dwar l-istess ħaġa. “Bagħtuna f’kamra imma ma kienx hemm dawl u għalhekk tlabna li niċċaqalqu. Minflok ġie ħaddiem li pprova jsewwi d-dawl hu, sakemm qabitlu, qalilna li m’għandux ċans u bagħatna f’kamra oħra.”
Ir-review ta’ turist ieħor hu xokkanti. “Kellna nużaw sapuna żgħira biex jixgħel id-dawl. L-istaff urewna kif, imma fl-istess ħin wissewna li din hi xi ħaġa perikoluża ħafna. Barra minn hekk wissewna li t-televiżjoni ma jaħdimx, għax tirriskja li jisplodi f’wiċċek.”
Oħrajn ilmentaw li s-sockets tad-dawl kienu maqlugħa, indendla mill-wires tagħhom u allura ta’ periklu b’mod speċjali għat-tfal.
Il-kamra tagħna ma tnaddfitx għal ġimgħa sħiħa
“Nissuġġerixxi li jkeċċu lil dawk li jnaddfu, imma biex jagħmlu hekk l-ewwel irid ikollhom maids,” stqarr turist, diżgustat bil-ħmieġ li sab.
Ieħor qal li spiċċaw jorqdu fuq lożor maħmuġa, li kienu ntużaw minn persuni oħra qabilhom. Imma jidher li dan kien fortunat li kellu l-lożor, għaliex ħafna lmentaw li spiċċaw jorqdu fuq is-saqqu mingħajr lożor.
Oħrajn lanqas bidlulhom ix-xugamani għal ġimgħa sħiħa. Min ilmenta jew ġie njorat, jew f’xi każi ngħata xugaman wieħed għal kamra ta’ tliet persuni.
Anke’ t-toilet paper jidher li hu skars, hekk kif ħafna spjegaw li ma sabux fil-kmamar tal-banju u kellhom imorru jittalbu fir-reception. Kien hemm min lanqas hemm ma ngħata, hekk kif tfajla spjegat li kellha tissellef mingħand kamra fil-qrib.
F’review ieħor, turist Ingliż kompla li kemm ilu jsiefer qatt ma kien f’post fejn ġie offrut ikel daqshekk ħażin. “Ħallast all inclusive package imma spiċċajt niekol barra għax ir-rieħa tal-ikel biss ukoll kienet biżżejjed biex tmarrdek,” spjega dan it-turist, li kompla li parti mill-pakkett li ħallas għalih kien jinkludi “alkoħol miżjud bl-ilma.”
Turisti oħra spjegaw li baqgħu diżgustati meta nnutaw li l-ikel li kien fadal fil-jiem ta’ qabel reġa’ nħareġ u ġie servut.
Mard, insetti u ħmieġ huma l-ordni tal-ġurnata
“Kulħadd beda jimrad. Meta kellimna lill-manager biex ibiddlilna l-kamra, għaliex lir-raġel tiegħu qattgħuh l-insetti, dan irrifjuta,” spjega wieħed mit-turisti.
Oħrajn spjegaw li fil-kamra xebgħu jaraw wirdien jiġri. U meta f’ċertu każi dan kien mejjet, saħansitra sabuhom mgħaffġa mal-ħajt. “Kien evidenti li l-insetti mgħaffġa mal-ħajt kien ilhom mejta, imma ħadd ma ndenja ruħu jnaddaf,” ilmenta turist diżgustat.
Telqa, kmamar imkissra u staff li mhux interessat jgħin
Li s-serq minn din il-lukanda hu komuni mhix sorpriża. Numru ta’ reviews fuq TripAdvisor ilmentaw li l-bibien tal-lukanda ma jissakkrux sew. L-istess għal uħud mill-bibien tal-gallariji li ma jissakkrux. “Meta rrapurtajna lill-istaff wegħduna li se jsewwuhom, imma għamilna ġimgħa u l-bieb baqa’ kif kien,” spjega turist Ingliż.
Grupp ta’ sitt tfajliet żgħar saħansitra kitbu li lejl minnhom qamu fost it-tisbit fuq il-bieb tal-kamra tagħhom. “Kienu grupp żgħażagħ fis-sakra qed jippruvaw jidħlu fil-kamra. F’ħin minnhom qatgħu qalbhom u bdew jagħtu b’fire extinguisher sakemm kissru l-lock tal-bieb ta’ barra,” spjegat waħda mit-tfajliet, li qalet li talbu għall-għajnuna tas-security u r-reception imma ħadd ma’ mpurtah.
L-istess turist ukoll qal li kellu jbiddel il-kamra tliet darbiet f’ġimgħa għaliex it-toilets bdew ifuru. “L-aqwa ħaġa dwar din il-lukanda kienet aħna u ħerġin ‘il barra biex nirritornaw lura d-dar.”
Oħrajn kitbu li fil-kurituri kien hemm ħmieġ u żibel li baqa’ ma nġabarx, kmamar maħmuġin, wirdien fil-kamra tal-banju u tbajja’ ma’ kullimkien. Peress li fil-maġoranza tal-każi l-kmamar baqgħu ma tnaddfux, uħud qalu li meta lmentaw ingħataw borża taż-żibel biex ibattlu d-dustbins huma stess.
Ibbukkjajna imma kif wasalna qalulna li l-lukanda fully booked
Ingliża oħra li kitbet review dwar din il-lukanda spjegat li ġiet Malta wara li bbukkjat online f’din il-lukanda. Akkumpanjata mir-raġel tagħha u żewġ ħutu, it-tnejn li għandhom ‘il fuq minn 70 sena, daħlet fir-reception imma skopriet li l-lukanda fully booked minkejja li kienet diġa’ ħallset.
“Fis-siegħa ta’ filgħodu bagħtuna f’lukanda tal-istess sidien f’Buġibba u talbuna €50 deposit minkejja li dan il-ħlas qatt ma ssemma’ qabel,” spjegat din il-mara, li qalet li r-raġuni li tawhom għad-deposit kien biex ikopri l-ispejjeż f’każ ta’ ħsara.
“Meta dħalna fil-kmamar skoprejna li ma kien fadal xejn xi tkisser,” kompliet l-istess turista li qalet li l-kmamar ma tnaddfux qabel daħlu fihom, it-toilet lanqas kien nadif u l-kamra tal-banju kienet mimlija moffa u tinten.
L-istess turista kompliet li kif raw hekk marru lura fir-reception biex ibiddlu l-lukanda, fit-3.30 ta’ filgħodu. Kompliet li kif qamu marru għall-breakfast, imma ma ġewx aċċettati għaliex l-istaff nesa’ jtihom karta li jiċċertifika li huma residenti tal-lukanda.
Imma din l-esperjenza mhux unika, anzi rakkont ieħor ta’ ħaddieħor hu bil-wisq agħar. Dan hekk kif turist spjega li bbukkja xahar f’din il-lukanda imma f’jumejn minnhom mar l-Italja u sadattant fil-kamra tpoġġiet familja oħra.
“Kif irritornajt mill-italja, mingħalija se nidħol fil-kamra li kelli mħallsa, sibt pram u erba’ bagalji ta’ ħaddieħor. Inżilt irrabjat fir-reception, imma l-ħaddiema qalu li ma jafu b’xejn. Ma fehmux kelma minkejja li kellimthom bl-Ingliż , u nfurmawni li ma nistax nieħu l-istess kamra.”
“Il-lukanda għandha titwaqqa u tinbena mill-ġdid”
Fost il-kummenti, turist kiteb li fl-Ingilterra din il-lukanda kienet tingħalaq immedjatament tant fiha ħmieġ u ħsara. Ieħor kompla miegħu u qal li m’hemmx tama għal din il-lukanda tant li “għandha titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid.”
Kumment bħal dan mhux sorpriża iktar u iktar meta wieħed jinnota ritratti li ttellgħu mit-turisti u li juru biċċiet mil-lukanda li qed taqa’ biċċiet, tikħil tas-saqaf li ċeda u żebgħa li qed tinqala’ kemm fil-kurituri kif ukoll fil-kmamar.
Is-sidien igiddbu lit-turisti li lmentaw
Fir-risposti tagħhom, is-sidien u management tal-lukanda mhux talli ma skużawx ruħhom għal dawn il-problemi kollha, imma f’xi mumenti kienu arroganti ma dawk li ħallew kummenti negattivi.
F’risposta minnhom, is-sidien kitbu hekk: “Kif int konxju, ibbukkjajt lukanda low cost ta’ tliet stile u vaganza b’budget irħis fil-qalba tad-divertiment f’Malta li tattira ż-żgħażagħ u persuni li jħobbu l-parties.”
Filwaqt li wħud qalu li lmentaw mal-istaff ta’ kuljum, f’uħud mir-risposti, li huma sempliċiment kopji ta’ oħrajn, il-management stqarrew li huma dispjaċuti li l-klijenti ma lmentawx mal-management.
Filfatt kważi kull review miktub fuq TripAdvisor fih ilmenti tal-kju esaġerat fir-reception tal-lukanda li xi kultant iwassal għal ħin ta’ stennija ta’ sagħtejn u iktar. Minkejja li l-management qalu li dan hu dovut għall-ammont kbir ta’ check ins, it-turisti merewhom u qalu lil-kju kien kollu nies jilmentaw minn problema jew oħra.
L-iskuża li l-lukanda hi waħda ta’ tliet stilel u l-bookings huma rħas tintuża f’ħafna mir-risposti tal-management. Din il-ħaġa urtat iktar lit-turisti, li lmentaw li minkejja dan jippretendu li għallinqas isibu post nadif u mhux imkisser.
//= $special ?>

