Lokali

Il-Parlament Grieg japprova miżuri ekonomiċi iebsin

Il-Parlament Grieg ilbieraħ filgħaxija approva miżuri ekonomiċi iebsin li kienu meħtieġa sabiex ikun approvat it-tielet bailout ta’ €86 biljun. Fost dawn il-miżuri hemm żidiet fit-taxxi u żieda fl-eta’ tal-irtirar.

229 Membru Parlamentari ivvutaw favur il-miżuri , 6 astjenew u 64 ivvotaw kontra. Nofs dawk li vvutaw kontra kienu deputati tal-partit fil-Gvern, Syriza.

Dan il-vot seħħ fl-isfond ta’ vjolenza hekk kif ftit passi bogħod, dimostranti waddbu bombi tal-petrol lejn il-pulizija li min-naħa tagħha wieġbet billi sparat gass tad-dmugħ.

Il-Prim Ministru Alexis Tsipras qal li ma jemminx f’dan il-ftehim iżda ħeġġeġ lill-Membri Parlamentari biex jivvutaw favurieh. Hu qal li lest li jwettaq dawn il-proposti sabiex jevita l-kollass tal–banek fil-Greċja. Fost dawk li vvotaw kontra l-miżura kien hemm l-eks ministru tal-Finanzi Yanis Vanoufakis, li rriżenja ftit tal-jiem qabel. Ftit qabel il-vot, il-PM Tsipras sofra daqqa ta’ ħarta oħra meta d-Deputat Ministru tal-Finanzi Nadia Valavani irriżenjat mill-kariga.