Aktar kmieni din il-ġimgħa, kellha tkun l-Oppożizzjoni li permezz ta’ emendi li ressqet għall-Avviż Legali 140 tal-2015, tat vuċi lill-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat fi ħdan l-Istitut għall-Edukazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni oriġinali tal-Gvern kienet li l-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat ikollhom rappreżentant wieħed bejniethom fuq il-Bord ta’ dan l-Istitut, xi ħaġa li għall-Oppożizzjoni ma kenitx aċċettabbli mill-bidu nett, u dan peress li l-isfidi u r-realtajiet li għandhom l-iskejjel tal-Knisja mhux l-istess bħal dawk tal-privat, u viċi versa.
Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni titlob għal bidla fl-Avviż Legali biex l-iskejjel tal-Knisja u dawk tal-privat ikollhom rappreżentant kull wieħed. L-Oppożizzjoni tinnota li l-Gvern biddel fehmtu u ġie mal-Oppożizzjoni f’dan l-argument.
Madanakollu, l-Oppożizzjoni qalet li tesprimi d-diżappunt tagħha għall-fatt li l-Gvern naqas milli jaċċetta t-tieni emenda mressqa mill-Oppożizzjoni, li kienet issejjaħ biex il-bord tal-Istitut għall-Edukazzjoni jkollu rappreżentant magħżul mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Din l-emenda kienet imressqa bil-ħsieb li l-edukazzjoni ma tkun qatt ballun politiku, kif ukoll biex jiġi assigurat sens ta’ kontinwita’ bejn Gvern u ieħor fis-settur edukattiv.
Għar-raġunijiet tiegħu, l-Gvern għażel li ma jaċċettax dan is-sens ta’ kollaborazzjoni fil-qasam edukattiv, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>
