Lokali

Minn għada t-13-il edizzjoni t’Oħloq Tbissima

Għada f’nofsinhar tibda t-tlettax-il edizzjoni tal-Maratona Oħloq Tbissima.  Din il-maratona ta’ sittin siegħa xandir live  tiġi mtella’ miċ-ĊAM Productions international (ĊPi), il-Production House fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).  Oħloq Tbissima tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju f’nofsillejl.

L-għan ta’ Oħloq Tbissima hu li jinġabru fondi b’risq il-missjonijiet tal-MSSP fil-Peru, fil-Pakistan u fil-Filippini u  anke lokalment fid-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera.  Għan ieħor ta’ din il maratona hu li titqajjem kuxjenza missjunarja.

Għal darb’oħra, din is-sena Oħloq Tbissima ser tittella’ mill-bitħa tad-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, minn fejn  jixxandar programm varjat, b’mumenti ta’ talb, quddies, filmati, diskussjonijiet u spettaklu mill-aqwa, bil-partiċipazzjoni tal-aqwa talent lokali.

Segwi Oħloq Tbissima tul tmiem din il-ġimgħa u għati d-donazzjoni tiegħek b’risq il-karita’.