Dario Franceschini, il-Ministru tal-Kultura Taljan, kellu kliem iebes ħafna għal ċerti turisti li qed iżuru l-Italja. Dan wara li kien hemm diversi inċidenti ta’ aġir mhux xieraq minn turisti ħdejn monumenti importanti fil-bliet Taljani.
Fost l-aħħar każi kien hemm wieħed it-Tnejn meta tliet żgħażagħ Amerikani niżlu jgħumu fil-Fontana dei Quattro Fiumi fi Pjazza Navona, f’Ruma, u kienu qed jissugraw li jagħmlu ħsara lill-iskulturi li hemm fiha.
Hu kważi ta’ kull jum li l-mezzi tax-xandir Taljani qed jirrappurtaw aġir li qed jurta ħafna lit-Taljani minn barranin li jkunu għal btala fil-pajjiż, partikolarment fil-bliet storiċi.
Franceschini qal li hemm bżonn li l-Italja tibda tattira nies ta’ aktar kwalità kif ukoll li t-turisti jkunu mħajra jżuru postijiet oħra fl-Italja minflok Ruma, Firenze u Venezja. Hu qal li minbarra dawn it-tlett ibliet, hemm ħafna postijiet sbieħ li ftit li xejn turisti jmorru jżuruhom għaliex ma jafux bihom u għalhekk se jkun hemm kampanja beix dawn ikunu reklamati mal-barranin.
Barra minn hekk, Nathalie Naim, mill-kunsill lokali ta’ Ruma, qalet li matul il-lejl mhux qed ikun hemm għassa mal-monumenti ewlenin fil-belt kapitali Taljana u spiss qed ikun hemm aġir li jagħmel il-ħsara u jurta lir-residenti. Għalhekk qalet Naim, hemm bżonn sigurtà akbar matul il-lejl.
Rabja għall-kwalità ta’ turisti li qed iżuru l-Italja
