Apparat elettroniku li jinkludu numru ta’ laptops u chargers insterqu mill-Kummissjoni tar-Refuġjati.
Għalkemm il-każ kien irrapurtat dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart, hu mifhum li s-serqa probabbilment seħħet matul il-lejl ta’ bejn ilbieraħ u llum, waqt li l-uffiċini fi Triq D’Argens, L-Imsida, kienu magħluqin.
Il-Pulizija qalu li minn investigazzjonijiet preliminari irriżulta li aċċess għall-bini nkiseb minn tieqa fis-sular ta’ fuq qabel insterqu tal-anqas tlett laptops, żewġ laptop chargers, charger ta’ telefon ċellulari u mouse.
Il-probabbiltà hi li s-serqa ġiet sfrattata minn żewġ kuntistabbli mill-Rapid Intervention Unit, li waqt ir-ronda tagħhom intbgħatu fuq rapport fl-akwata msemmija u għamlu tfittxija wara li r-residenti ta’ dar ftit bibien ‘l fuq mill-kummissjoni semgħu ħsejjes suspettużi għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija. Fil-fatt, il-laptops imsemmija nstabu fuq il-bejt tal-istess uffiċċini.
Is-serqa qed tiġi investigata mill-Għassa tal-Imsida, assistiti mill-Laboratorju tax-Xjenza Forensika.
Il-Pulizija appellaw biex kull min għandu xi informazzjoni li jista’ jwassal għall-għeluq tal-każ huwa ġentilment jgħaddiha, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numru dedikat, 119.
//= $special ?>

