Lokali

“Tal-Housing għadhom ma kellmunix”

Kif irrapporta b’mod esklussiv il-ġurnal In-Nazzjon il-ġimgħa li għaddiet, Manwel Calleja qed jitlob post alternattiv lill-Awtorita’ tad-Djar. “Jekk dan ma jseħħx, ftit tal-ġimgħat oħra nista’ nispiċċa barra fit-triq għax m’għandix flus biex inħallas il-kera”.

Din hija storja li ħalliet lil ħafna bla kliem, bir-raġel jagħmel akkużi serjissimi kontra l-Gvern ta’ Joseph Muscat li mhux jisma’ il-karba tiegħu.

Wara li ħarġet l-istorja f’In-Nazzjon, il-Ministeru ta’ Michael Farrugia ħareġ stqarrija li fiha sostna li Calleja “m’għamel l-ebda kuntatt mal-Customer Care tal-Awtorita’ tad-Djar u m’għamel l-ebda applikazzjoni għal post alternattiv”.

Viżibbilment urtat għal dak li qal dwaru l-Ministeru tas-Solidarjeta’ Soċjali, Calleja ċaħad bil-qawwa kollha din l-istqarrija qarrieqa tal-Gvern. Meta lbieraħ żorna lil Calleja, hu spjegalna li fil-fatt applika għall-post tal-Housing u anke mar hu stess l-Awtorita’, fejn kellu jwasslu ħuħ. “Sal-lum ħadd għadu ma kellimni. Kellhom iċempluli mill-Housing iżda ma ċempel ħadd. Ma nistax nifhem ir-raġuni għaliex il-Gvern qal hekk. Il-Housing jafu li aħna morna darbtejn hemmhekk”.

Manwel Calleja hu r-raġel ta’ 53 sena mix-Xgħajra li spiċċa fil-periklu tal-mewt.wara inċident li kellu f’April li għadda bil-karozza tiegħu Renault Megane, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura f’Kordin u waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari. U issa li jinsab f’pożizzjoni iddisprata, dan ir-raġel mhu jsib għajnuna mingħand ħadd partikolarment sabiex jinstablu post tal-Gvern għall-kiri.

Grazzi għall-ħidma li saret mill-ġurnalisti ta’ dan il-ġurnal, Calleja għamel ukoll kuntatt mal-Malta Community Chest Fund fejn se jaraw x’possibiltajiet hemm ta’ għajnuna għal dan ir-raġel. Fl-istess waqt, aktar persuni li xtaqu jibqgħu anonimi baqgħu jgħaddu għajnuna finanzjarja lil Calleja biex hu ikun jista’ jlaħħaq mal-ħajja.

Min jixtieq joffri appoġġ lil Manwel jista’ jikkuntatja lill-Kamra tal-Aħbarijiet fuq 25 965 355.