Lokali

Tkompli ż-żjara ta’ Simon Busuttil fiċ-Ċina

Fiż-żewġ laqgħat li saru bħala parti miż-żjara li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap Simon Busuttil, ġie mfaħħar ir-rwol ta’ Malta fil-kriżi tal-Libja tal-2011, b’mod speċjali għall-għajnuna fis-salvataġġ ta’ 5,000 Ċiniż u Ċiniża mil-Libja, li ħafna minnhom kienu impjegati tal-Gvern Ċiniż.

Dan il-punt tqajjem waqt il-laqgħa bejn id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u Zhao Shaohua, il-Viċi Chairman tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu. Matul din il-laqgħa, Zhao Shaohua faħħret ir-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina, u qalet li r-relazzjoni ekonomija bejn iż-żewġ pajjiżi hija waħda b’saħħitha. Hi fakkret li f’Malta jeżisti ċentru Ċiniż għall-kultura, li għandu l-appoġġ tal-Gvern Malti.

Min-naħa tiegħu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-kultura hija tieqa tal-istorja u l-identita’ tal-popli, u li permezz tagħha, wieħed jista’ jifhem aħjar il-pajjiż. Hu tkellem dwar il-politika barranija, b’mod speċjali dwar dak li għandu x’jaqsam mal-Baħar Mediterran, speċjalment fl-isfidi tal-immigrazzjoni, tat-terroriżmu u l-bidla fil-klima.

Din iż-żjara tal-Kap tal-PN Simon Busuttil ingħatat prominenza fuq l-aħbarijiet tal-istazzjon Nazzjonali Ċiniz.

Laqgħa oħra li kellha d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet ma’ Sun Yongfu, id-Direttur Generali tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ewropej fil-Ministeru tal-Kummerċ. Sun Yongfu qal li ċ-Ċina tħares ‘il quddiem għal koperazzjoni mal-Unjoni Ewropea, filwaqt li faħħar ir-relazzjoni ta’ kummerċ u ekonomika bejn iċ-Ċina.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur li tissaħħaħ ir-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Id-diskussjoni bbażat ukoll fuq ir-relazzjoni turistika bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li ssemma l-punt li għandhom jiġu attirati aktar turisti lejn Malta. Id-delegazzjoni Ċiniża faħħret is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta, u ġiet diskussa l-possibilita’ ta’ koperazzjoni anke f’dan is-settur.