Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Appell għal sistema tal-gwardjani lokali aħjar u li tikseb il-fiduċja

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern għal sistema tal-gwardjani lokali li tikseb il-fiduċja tan-nies b’sistema aħjar u b’konsultazzjoni sħiħa mal-Oppożizzjoni u mal-Kunsilli Lokali, u ma jintremiex il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-awtonomija tal-Kunsilli Lokali.

Dan l-appell sar mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius meta tkellem illejla fil-bidu tad-dibattitu tal-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex jiġi emendat l-Avviż Legali li f’Mejju li għadda waqqaf l-Aġenzija li ħadet fiha s-sistema tal-gwardjani lokali waqt li ħalliet l-istess sistema fis-seħħ.

David Agius għamel diversi appelli lill-Gvern biex ikun hemm emendi biex ma jitfarrakx il-prinċipju għalfejn twaqqfu l-Kunsilli Lokali.

Bħala Oppożizzjoni, meta l-Gvern ħareġ il-White Paper dwar il-gwardjani lokali, kienet ipparteċipat mas-Segretarju Parlamentari ta’ dak iż-żmien responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Josè Herrera, u tat ukoll il-proposti tagħha.

Fakkar li s-Segretarju Parlamentari stess dak iż-żmien kien iddikjara f’intervista ma’ gazzetta lokali, li qed isib koperazzjoni wkoll mill-Oppożizzjoni li qed timxi mingħajr polemiċi partiġjana. Din hi konferma ta’ kemm l-Oppożizzjoni pparteċipat.

David Agius spjega li wara li ma baqax is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera, ma kienx hemm konsultazzjoni għaliex kieku saret il-konsultazzjoni, ma kienx joħroġ l-Avviż Legali bil-mod kif ħareġ.

Bit-twaqqif ta’ Aġenzija bla konsultazzjoni l-Gvern rema l-prinċipju tas-sussidjarjetà u qattgħu biċċiet
Semma li l-Gvern rema l-prinċipju tas-sussidjarjetà u qattgħu biċċiet, bit-twaqqif ta’ Aġenzija bla konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni iżda billi ħabbar dan bil-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali li neħħa l-prinċipju tas-sussidjarjetà li jkunu l-Kunsilli Lokali responsabbli mill-gwardjani lokali.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq ukoll li dwar dan il-prinċipju ma kienx hemm qbil. Il-Gvern kellu jikkonsulta xorta mal-Oppożizzjoni biex ikun hemm qbil fil-mod ta’ kif titwaqqaf l-Aġenzija. Fisser għalhekk, li l-Oppożizzjoni ressqet il-mozzjoni biex tappella lill-Gvern jirranġa dan l-Avviż Legali biex jiġu evitati problemi kbar. Kien biss wara li kien ippubblikat dan l-Avviż Legali f’Mejju li għadda li l-Gvern beda jitkellem mal-Oppożizzjoni.

David Agius fisser li kellu jkun hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar in-nies li jmexxu l-Aġenzija; u li jkun hemm skeda ta’ fejn u kif jintbagħtu l-gwardjani lokali f’Malta u f’Għawdex, u li din tkun pubblika, u mhux tkun il-persuna magħżula mill-Gvern waħdu – l-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit – li jiddeċiedi kollox hu.

Appell għal ekwità fid-deċiżjonijiet tal-Aġenzija mmexxija minn persuna maħtura mill-Gvern biss
David Agius appella għal ekwità fil-mod kif l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni jħaddem is-sistema tal-gwardjani lokali u li dan għandu jsiir mingħajr distinzjoni bejn lokalità u oħra. Staqsa min se jikkontrolla dan l-Uffiċjal Eżekuttiv.

L-Oppożizzjoni qed tinsisti wkoll li l-Bord Konsultattiv ma jkunx maħtur biss mill-Ministru iżda wkoll għandu jkun hemm rappreżentanza tar-Reġjuni tal-Kunsilli Lokali flimkien mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

David Agius wissa li jekk il-Gvern mhux se jemenda l-Avviż Legali, se jkun hemm problemi għaliex tkun qed tingħata awtorità sħiħa f’idejn Uffiċjal Eżekuttiv u jista’ jkun ukoll f’idejn Ministru dwar fejn jintbagħtu l-gwardjani lokali.
Appella wkoll lill-Gvern biex jiġi ppreżentat ukoll fil-Parlament rapport finanzjarju u amministrattiv dwar l-operat ta’ din l-Aġenzija.

Filwaqt li rrimarka li numru ta’ prosposti flimkien ma’ ideat oħrajn tressqu diġà lis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, responsabbli mill-Kunsilli Lokali, appella għal diskussjoni.

Fost id-diskussjoni importanti li għandha ssir, David Agius semma l-formola ta’ kif se jitqassmu l-flus bejn il-Kunsilli Lokalli mis-sistema tal-infurzar meta lanqas hemm formola stabbilità minkejja li ilha taħdem diġà l-Aġenzija mill-bidu ta’ Mejju.

L-akkuża ta’ Muscat li s-sistema hi racket jew kienet gidba jew se jitħalla l-istess racket
Irrifera wkoll għall-akkużi li kien għamel il-Prim Ministru tal-lum meta kien fl-Oppożizzjoni u ddikjara li s-sistema tal-gwardjani lokali hi racket u li hu ma kienx se jħalli l-ħut il-kbir ikompli jibla’ kollox.

David Agius qal li skont il-Prim Ministru Muscat, ir-racket u l-ħut il-kbir jibla’ kollox illum għadu hemm għaliex is-sistema llum baqgħet bl-istess kumpaniji.

Staqsa wara dawn l-akkużi li kien għamel il-Prim Ministru tal-lum, li jew l-akkuża kienet gidba jew se jitħalla l-istess racket għaliex mhu se jkun qed jinbidel xejn minn min se jkun qed iħaddem is-sistema taħt l-Aġenzija tal-lum meta qed juża l-istess persuni li fl-2011 l-Prim Ministru għajjarhom li huma racket u li skont huh ma kienx se jħalli l-ħut il-kbir ikompli jibla’ kollox.

Semma li l-Gvern illum ħalla l-istess kumpaniji u l-istess kuntratti ħlief li twaqqfet Aġenzija li se tkun qed tiddeċiedi hi fejn, fi xħin u kemm tibgħat gwardjani lokali.

Gvern li ma żammx kellmtu lanqas mal-gwardjani lokali
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern ma żammx kellmtu lanqas mal-Gwardjani Lokali u lil min għajru racket il-Gvern illum se jibqa’ jużah filwaqt li se jneħħi minn idejn il-Kunsill Lokali d-deċiżjonijiet dwar is-sistema tal-gwardjani lokali.

Fl-għeluq tad-dibattitu, David Agius qal li hu ta’ sodisfazzjon li l-Gvern qed jgħid li se jbiddel l-Avviż Legali, u li dan juri wkoll ir-rieda tal-Oppożizzjoni li tibqa’ taħdem biex titjib sistema, bħalma hi l-Aġenzia tal-gwardjani lokali, minkejja li ma taqbilx fil-prinċipju magħha iżda xorta tibqa’ tinsisti biex taħdem bl-aħjar mod.

Għall-emenda li se jressaq il-gvern biex is-sistema titħaddem f’kull post sakemm l-Aġenzija ma tpprovdix mod ieħor, irrimarka li din hi kontradizzjoni għaliex twaqqa’ mill-ġdid dak li qed nippruvaw nirranġaw meta qed iżid il-kliem “sakemm l-Aġenzija ma tipprovdix mod ieġor”. Appella li dan hu ħażin għaliex tista’ ssir pressjoni biex ma jintbagħtux gwardjani lokali u bl-Aġenzija tkun kostretta tiddeċiedi mod ieħor. Saħaq li L-Aġenzija għandha tkun marbuta li tibgħat il-gwardjani lokali kullimkien.

L-Oppożizzjoni se tkun seqer dwar it-tħaddim tal-gwardjani lokali
Wissa li l-Oppożizzjoni se tkun seqer dwar fejn se jintbagħtu u fejn mhux se jkunu qed jntbagħtu l-wardens meta l-Oppożizzjoni lanqas ma taqbel mal-persuna li se tkun qed tmexxi l-Aġenzija. Appella lill-Gvern ma jwebbisx rasu u jsib persuna ta’ fiduċja, bħalma hu l-Ombudman u l-Awditur Ġenerali.

Emenda oħra li se jagħmel il-Gvern hi li se jitlaqqa’ Kumitat Knsultattiv kull xahar ida staqsa min huma it-tekniċi fuq il-Bord Konsultattiv u appella lill-Gvern ineħi l-Bord tekniku u minflok ikun hemm rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Kumitati tar-Reġjuni. Stieden lill-Gvern jgħid min huma n-nies tekniċi.

Spjega li meta l-Gvern kellu l-mandat ta’ riforma, kulħadd kien fehem li din se tneħħi r-racket li kien hemm mill-privat u llum il-privat se jibqa’ u l-Gvern ħa l-poter mir-Reġjun u mill-Kunsilli Lokali u l-poter ingħata lil persuna waħda li se tkun qed tmexxi l-Aġenzija bla qbil mal-Oppożizzjoni.

L-Oppożizjzoni trid Aġenzija tajba hekk kif spjega li mill-ħames ideat li tat l-Oppożizzjoni, il-Gvern aċċetta erbgħa u dan hu sinjal pożittiv tal-parteċipazzjoni u l-ħidma tal-Oppożizzjoni.

Quddiem l-insistenza li wera fid-dibattitu s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo li għandu jkun il-gvern waħdu li jaħtar il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, David Agius appella lill-Gvern biex jikkonsulta mal-Oppożizzjoni. Saħaq li din hi t-triq ‘il qudidem biex tinkiseb il-fiduċja ta’ sistema ta’ infurzar nazzjonali u biex is-sistema tkun ta’ suċċess. Staqsa wkoll li l-Gvern baqa’ ma qalx il-formola ta’ kif se jitqassmu l-flus mis-sistema tal-infurzar lokali.

Il-Gvern għadu bla formola dwar it-tqassim tal-flus lill-Kunsilli Lokali
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li hemm laqgħat iffissati mal-Presidenti tar-Reġjuni u dan wara li kienu eletti nofs il-Kunsilli Lokali fl-elezzjonijiet ta’ April li għadda. Spjega li magħhom irid jitfassal b’mod ġust kif jitqassmu l-flus li jifdal wara li jinqasmu l-ispejjeż. Wiegħed l-impenn tiegħu li jikkonsulta mal-Oppożizzjoni.

Semma wkoll li l-Gvern kiser żewġ punti fundamentali tal-White Paper meta neħħa l-poter mill-Kumitati Reġjonali u għadda lill-Aġenzija. Kiser ukoll il-wiegħda li l-gwardjani lokali kienu se jiġu impjegati mal-Gvern meta dawn issa baqgħu mal-privat u li l-Gvern tal-lum kien sejħilhom racket u issa saru tajbin.

Għar-reazzjoni tal-Ministru Owen Bonnici li qal li l-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista m’hemmx il-wiegħda li se jiddaħħlu l-gwardjani lokali mal-Gvern, David Agius semma li fil-Manifest Elettorali lanqas ma kien hemm l-iskandlu ta’ Gaffarena, l-iskandlu ta’ Cafè Premier, il-bejjiegħa tal-monti u min ingħata €13,000 fix-xahar.

David Agius tenna l-impenn tiegħu u tal-Oppożizzjoni li se jkun qed isir skrutinju kontinwu tat-tmexxija tal-Aġenzija mwaqqfa mill-Gvern waqt li tenna mill-ġdid l-appell lill-gvern biex imur mal-medja tal-konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni biex ikun hemm qbil għal sistema aħjar ta’ infurzar lokali.