EUROPA LEAGUE – WARA T-TELFA MINIMA KONTRA WEST HAM: Il-manager il-ġdid ta’ West Ham United Slaven Bilic faħħar il-paċenzja li wera t-tim tiegħu wara li ħalla għall-aħħar sekondi biex għeleb lit-tim Malti ta’ Birkirkara FC fl-ewwel leg mit-tieni round tal-Europa League il-Ħamis f’Upton Park 1-0.
West Ham kienu frustrati mit-tattika li adotta t-tim Malti li jinsab fit-318-il post fir-rankings tal-klabb tal-UEFA, fl-ewwel logħba kompetittiva ta’ Bilic bħala manager f’darhom u minkejja 74% ta’ pussess il-ġimgħa d-dieħla se jkunu Malta jiddefendu vantaġġ minimu ħafna minkejja li jgawdu 200 pożizzjoni fuq il-Karkarizi fir-rnaking.
Il-gowlkiper Karkariż Justin Haber, li kellu partita pożittiva, naqas milli jinterċetta korner ta’ Mauro Zarate fid-90 minuta u James Tomkins skorja mill-viċin il-gowl tad-differenza.
Quddiem 33,048 spettatur, Modibo Maiga laqat il-lasta għall-Hammers u l-captain Kevin Nolan mar viċin b’volley akrobatiku. Għall-Karkariżi, l-uniku azzjoni denja kienet ta’ Liliu.
Wara l-logħba Bilic qal li kien qed jistenna din it-tattika minn Birkirkara u kien kuntent li t-tim tiegħu baqa’ jippersisti sal-aħħar għar-riżultat.
“Konna nafu li kienet se tkun logħba hekk u ridna li min-naħa nkunu veloċi u mill-banda l-oħra paċenzjużi,” qal Bilic.
“Konna nafu minn qabel li kienu se jilagħbu bi 11-il plejer wara l-ballun, li kienu se joqgħodu jaħlu l-ħin u li kienu se jippruvaw iżommu l-ballun.
“Kuntent immens bil-mod kif lgħabna fl-ewwel taqsima. Konna biss nieqsa ftit mill-kwalità fuq quddiem. Fit-tieni taqsima ridt li l-ballun imur mal-linji ħalli nduru magħhom u nġiegħluhom jgħejjew, noħolqu krossijiet aħjar jew nidħlu fil-kaxxa.
“Fl-aħħar kwarta bdejna nerġgħu nagħmlu dan u kellna xi ċansijiet, xuttijiet u korners sakemm finalment skorjajna.”
Li hu żgur issa hu li f’Ta’ Qali se tkun logħba differenti għaliex il-Karkariżi lagħbu qishom qed jilagħbu finali u Bilic ma jistax jippermetti li jħalli l-aħjar plejers tiegħi id-dar għat-tieni leg u jrid jiġi Malta bl-aħjar formazzjoni possibli.
Min-naħa tiegħu Giovanni Tedesco wkoll faħħar il-plejers tiegħu għall-wirja qalbiena li taw u d-dixxiplina tattika li żammew tul il-partita kollha. Waqt li wera ruħu xi ftit diżappuntat għar-riżultat finali hekk kif kienu biss sekondi bogħod minn riżultat sorprendenti, qal li dan iħalli l-konfront miftuħ beraħ għall-partita ta’ ritorn li se tkun ferm diffiċli.
Il-captain ta’ B’Kara qal li l-plejers huma xi ftit diżappuntati li qalgħu gowl fl-aħħar sekondi imma kienu determinati mill-bidu li jagħtu sfida denja u issa wrew biċ-ċar li spiċċa dak iż-żmien fejn il-klabbs Maltin jiġu umiljati fl-Ewropa.
//= $special ?>

