Deċiżjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bażata fil-Lussemburgu tat ċertu poter liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea f’ċerti każijiet ta’ divorzju minn ċittadini li ma jkunux membri tal-UE.
L-Imħallfin tal-qorti deċidew li ċittadini ta’ pajjiż mhux membru tal-UE li jkunu miżżewġa lil ċittadin tal-UE, f’ċerti każi, jistgħu jitilfu d-dritt tar-residenza.
Dan feġġ minn każ fl-Irlanda fejn l-awtoritajiet pruvaw jneħħu l-permess ta’ residenza lil raġel mill-Indja li l-mara tiegħu, mil-Latvja, kienet telqitu wara aktar minn erba’ snin ta’ żwieġ fl-Irlanda. Dan wara li kien mar l-Irlanda fi Frar tal-2002 b’visa ta’ student. F’Novembru tal-2005, hu kien iżżewweġ il-mara mil-Latvja iżda din telqitu fi Frar tal-2010 u f’Settembru bdiet il-proċeduri għal divorzju.
L-awtoritajiet Irlandiż argumentaw li wara direttiva tal-2004 tal-UE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, id-dritt ta’ residenza ta’ Kuldip Singh ma baqax validu l-mument li martu ma komplitx teżerċita d-dritt li tgħix fl-Irlanda.
L-Ogħla Qorti tal-Irlanda talbet il-qorti fil-Lussemburgu biex tiddeċiedi dwar il-każ u din issa stabbilit li d-dritt ta’ residenza jista’ jitneħħa għaliex martu bdiet il-proċeduri ta’ divorzju wara li telqet mill-Irlanda.
Fil-każ quddiem il-qorti fil-Lussembrugu ma’ Singh preżentaw il-każ żewġ irġiel oħra, mill-Kamerun u l-Eġittu, li kienu miżżewġa lil nisa mill-Ġermanja u l-Litwanja u li l-każ tagħhom kien simili għal dak ta’ Singh.
Għad-deċiżjoni tal-Qorti agħfas din il-link